Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-GĦOTI TAL-BOROŻ TA’ STUDJU TAL-ARTI, AUBERGE DE CASTILLE, VALLETTA– IL-ĦAMIS, 11 TA’ AWWISSU 2011.

pr1523
Date Icon 11/08/2011

Mistednin Distinti,

Studenti,

Ġenituri,

Sinjuri,

Iċ-ċerimonja tal-lum hija okkażjoni speċjali. Ħdax-il student u studenta, mimlijin enerġija u eċitament, qed jippreparaw biex imorru barra minn xtutna. Bl-esperjenza li se jieħdu, dawn l-artisti se jispeċjalizzaw f’oqsma differenti tal-arti.

Hija wkoll okkażjoni speċjali għal pajjiżna. Sa ftit tas-snin ilu, studenti li xtaqu jkomplu jistudjaw kienu jiddependu minn xi pajjiż barrani jew minn istituzzjoni internazzjonali biex jingħataw borża ta’ studju.

Fl-2006, il-Gvern ħa deċiżjoni strateġika. Iddeċidejna li ninvestu aħna fl-istudenti għax għarafna li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta biex nattiraw investiment ta’ kwalità u noħolqu l-postijiet tax-xogħol. Ħloqna l-Malta Government Scholarship Scheme (MGSS) għal min xtaq ikompli jistudja għal-livell ta’ Masters jew Dottorat.

Sena wara, ħadna deċiżjoni strateġika oħra li nwessgħu l-ischolarships biex nattiraw aktar studenti lejn il-korsijiet universitarji fil-livell ta’ baċċellerat.

U fl-2008, għażilna li ninvestu €10 miljun mill-fondi allokati għalina mill-Unjoni Ewropea f’aktar boroż ta’ studju – l-iskema STEPS – fuq medda ta’ ħames snin.

Illum, hija meravilja tara ż-żieda fenomenali fl-istudenti li jagħżlu li jkomplu jispeċjalizzaw, f’kull qasam. Mill-2006 ngħataw 1,190 borża ta’ studju li jwasslu għal baċċelerat, Masters jew Dottorat.

Hija sinifikanti li madwar 40% tal-boroż ta’ studju li jagħti l-Gvern fil-livell ta’ Masters u Dottorat jingħataw lil studenti li jagħżlu lill-Università ta’ Malta għar-riċerka tagħhom.  Dan huwa investiment doppju għax l-Università terġa’ tinvesti l-flus li tirċievi biex ittejjeb il-faċilitajiet u tintroduċi korsijiet ġodda.

Issa li ħloqna bażi b’saħħitha għar-riċerka u livelli avvanzati ta’ edukazzjoni, il-Gvern qed jinvesti wkoll f’niċeċ li huma importanti għall-iżvilupp tal-pajjiż. Il-boroż ta’ studju tal-arti li ngħataw illum huma eżempju ta’ dan, u jimxu id f’id mal-miżuri li qed jieħu l-Gvern biex jistimula l-ekonomija kreattiva. B’kollox, f’dawn l-ewwel sentejn se nkunu tajna 24 borża ta’ studju għall-ispeċjalizzazzjoni fl-oqsma differenti tal-arti.

Mhux se nieqfu hawn. Fis-snin li ġejjin, il-Gvern se jiftaħ skemi oħra ġodda ta’ speċjalizzazzjoni. Fost l-oħrajn, se ninvestu dejjem aktar fir-riċerka u fl-innovazzjoni. Sa ftit tas-snin ilu, kont tgħoddhom in-numru ta’ akkademiċi li kellhom PhD.  Mill-ischolarships li tajna s’issa, 190 borża ta’ studju ngħataw lil studenti li se jagħmlu dottorat.  Il-pass li jmiss huwa li tinħoloq skema għal min jixtieq jagħmel Post-Doctoral Research.

Illum, aktar minn qabel, għandna bżonn naħdmu flimkien biex negħlbu l-isfidi u ċ-ċirkostanzi li qed ngħixu fihom. Minkejja l-vulnerabbilità tagħna, f’reġjun li għaddej minn tant taqlib, dan l-investiment jimlina kuraġġ għall-ġejjieni.

L-investiment fil-boroż ta’ studju huwa investiment fil-poplu Malti kollu kemm hu. Huwa investiment fl-iktar riżorsa prezzjuża ta’ pajjiżna: ir-riżorsa umana, il-ħaddiema. 

Il-Gvern li mmexxi jien qed jinvesti fil-ħiliet tan-nies.

Nemmnu li l-kreattività u l-innovazzjoni huma s-sinsla ta’ pajjiż kompetittiv.

Nemmnu fikom.

Nemmnu fil-ħiliet tagħkom.

Nemmnu f’pajjiżna.

Nawgura lilkom l-istudenti li ħadtu borża ta’ studju fl-oqsma differenti tal-arti u nawguralkom kull suċċess fil-karriera tagħkom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  “L-ugwaljanza u l-kompetittività jimxu id f’id” – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262007

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow