Left arrow Go Back

STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN

pr1520
Date Icon 10/08/2011

B’referenza għal dak li ntqal mill-Onorevoli Michael Falzon illum wara nofs in-nhar dwar ir-remissjoni, Il-Gvern għandu bżonn pożizzjoni ċara mill-Oppożizzjoni.

Tul dawn l-aħħar tliet snin il-Gvern kien pro-attiv fuq dan is-suġġett u wara white paper mexxa għad-dibattitu fil-Parlament l-abbozz tal-liġi li permezz tiegħu qiegħed jipproponi li jiġu ntrodotti kunċetti ġodda fis-settur tal-Ġustizzja Riparatriċi, b’mod partikolari l-introduzzjoni ta’ sistema aħjar sabiex jiġu protetti l-interessi tal-vittmi tar-reat, l-introduzzjoni tas-sistema tal-parole, u diversi punti oħra.

Fl-istess abbozz ġie propost għall-ewwel darba li jiġi mwaqqaf  Bord tar-Remissjoni apposta sabiex jibdel is-sistema attwali tal-lum, li ilha teżisti bi sfumaturi varji mill-1931 (tmenin sena).

Il-bidliet proposti huma li r-rimessjoni, l-ewwel, ma tkunx waħda awtomatika għax kull każ, hu ta’ min hu, irid jiġi approvat minn dan l-Bord; it-tieni, li jiġu mposti kundizzjonijiet sabiex isiru fuq min joħroġ mill-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin b’din is-sistema.

Is-sistema attwali, li l-Gvern diġa` ppropona li jibdel , tipprovdi li priġjunier tista' tinħafirlu sa massimu ta' terz tas-sentenza tiegħu jekk ikollu mġieba tajba.  Jekk priġjunier jinstab ħati ta' xi ksur ta' regolamenti ta' dixxiplina ta' kwalunkwe tip, jistgħu jitnaqqsulu bħala kastig numru ta' ġranet mill-perjodu li hu intitolat għalih bħala remissjoni.  Madankollu, jekk sussegwentement ma jkollux każijiet oħra ta' dixxiplina għal ċerti perjodi ta' zmien, normalment sitt xhur, il-ġranet ta' remissjoni li jkun tilef jerġgħu jingħatawlu lura kompletament jew parzjalment.  Ir-regolamenti ma jagħmlux distinzjoni, għal dik li hi eliġibilita abbażi ta' gravita` tas-sentenza, ħlief fil-każ ta' għomor il-ħabs, fejn ir-remissjoni ma tapplikax.  Jiġifieri kull priġjunier, ħlief dawk li weħlu għomorhom, huma intitolati għar-remissjoni. Din is-sistema għalhekk, irid jiġi ripetut li diġa hemm proposta Parlamentari sabiex tinbidel.

Tul id-dibattitu Parlamentari li ttratta ħafna punti varji,  fosthom fuq din tar-remissjoni, l-aħħar kelliem tal-Oppożizzjoni, l-Onor. Angelo Farrugia, fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2011 kien ddikjara s-segwenti:

"Il-verità hi li r-remissjoni hija waħda awtomatika u jien ma naħsibx li għandha tintmiss.  Li qed nissuġġerixxi hu li r-remissjoni tkun awtomatika, salv li inti mbagħad titpoġġa quddiem dan il-Bord jekk kemm-il darba jkun hemm prima facie każijiet ċari li inti tkun ksirt xi regolament.  Dik hija l-kwestjoni kollha!  Jien kellimt lil ħafna minn dawn in-nies u staqsewni x'inhi r-raġuni li huma qegħdin jitpoġġew fl-istess keffa ma' kulhadd ladarba qegħdin iġibu ruħhom tajjeb." 

L-aħħar pożizzjoni tal-Oppożizzjoni nftehmet li qiegħdha tgħid li r-remissjoni hija awtomatika u huwa eċċezzjonalment li każ jintbagħat quddiem dan il-Bord tar-Remissjoni, li huwa kompletament il-kontra ta’ dak li qed jiġi dikjarat illum mill-Partit Laburista.

Għalhekk hemm bżonn ta’ pożizzjoni ċara mill-Oppożizzjoni fuq dan.

Il-pożizzjoni tal-Ministeru kienet u hija li l-aħjar sistema għandha tkun li r-remissjoni ma tkunx awtomatika imma kull każ irid jiġi ġustifikat u approvat fuq il-mertu tiegħu. Biss, kif ingħad diversi drabi, din hija liġi sensittiva hafna u l-Gvern irid li qabel tiġi fis-seħħ ikun hemm il-kunsens taż-żewġ naħat fuq il-punti prinċipali, inkella din ma taħdimx. Għalhekk jappella sabiex tibqa’ barra mill-kontroversja politika inutile sabiex issir tajjeb, tiġi ntrodotta tajjeb, u taħdem hekk ukoll.

Għar-rigward ta’ dak li ntqal dwar ‘brain drain’ li qed jesperjenza l-Uffiċċju tal-Avukat tar-Repubblika, dan assolutament ma jirriżultax għaliex matul l-aħħar sena u nofs kienu biss tliet avukati li rriżenjaw mill-pożizzjoni tagħhom, b’waħda minnhom eventwalment tinħatar Maġistrat.

Il-punti l-oħra li rrefera għalihom l-Onorevoli Falzon kollha jirrigwardjaw materji li l-Gvern diġa` kkummenta estensivament fuqhom fil-pubbliku.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  “L-ugwaljanza u l-kompetittività jimxu id f’id” – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262007

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow