Left arrow Mur Lura

PROGRAMM TA’ TILQIM TA’ DWIELI BIEX MINN GĦENEB AĦMAR JIPPRODUĊU GĦENEB LI JINTUŻA GĦALL-PRODUZZJONI TAL-INBID ABJAD.

pr1519
Date Icon 10/08/2011

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino, dalgħodu ħabbar li f’din l-ewwel sena li fiha beda programm ta’ tilqim ta’ dwieli biex minn għeneb aħmar jipproduċu għeneb li jintuża għall-produzzjoni tal-inbid abjad, dan it-tilqim qed ikun suċċess. 

L-għan ta’ dan il-proġett hu li jindirizza l-problema li l-għeneb imkabbar għall-produzzjoni tal-inbid mhux qed jirrifletti d-domanda fis-suq.  L-inbid prodott mill-għeneb Malti u Għawdxi li hawn imħawwel huwa maqsum hekk – Inbid abjad 45%, Inbid Rose’ 20% u Inbid aħmar 35%. Biss minkejja dan, il-konsum ta’ inbid fil-gżejjer Maltin huwa maqsum skont dawn il-persentaġġi – Inbid abjad 60%, Inbid Rose’ 10% u Inbid aħmar 30%.

Għalhekk inbeda programm ta’ tilqim fuq dwieli ta’ varjetajiet ħomor sabiex jibdew jipproduċu għeneb abjad kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.  Fost il-varjetajiet ħomor li qegħdin jiġu mlaqqmin hemm Syrah, Tempranillo u Sangiovese liema varjetajiet qegħdin jiġu mlaqqmin għal dawk bojod bħal Chardonnay, Moscato Bianco u Sauvignon Blanc. 

Dan il-proġett ta’ tilqim fuq dwieli Maltin u Għawdxin huwa mfassal fuq 3 snin u l-partijiet involuti huma l-Ministeru tar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, l-Organizzazzjoni Produtturi Għeneb Għall-Inbid u l-Assoċjazzjoni tal-Għassara Maltin. Din is-sena pparteċipaw 40 bidwi f’dan il-proġett u tlaqqmu mal-55 tomna ta’ raba.  Huwa proġettat li f’dawn it-tliet snin tal-proġett jitlaqqmu madwar 200 tomna dwieli.

Iktar minn hekk dan il-proġett qiegħed ukoll iservi ta’ mezz ta’ tagħlim u edukazzjoni fuq it-tilqim lill-bdiewa Maltin.  Dan għaliex it-tilqim li qiegħed isir huwa tilqim innovattiv għall-aħħar u sar f’Malta għall-ewwel darba permezz ta’ kumpanija Franċiża – World Wide Vineyards.  Din il-kumpanija laqqmet dawn id-dwieli però waqt il-proċess għallmet lill-bdiewa Maltin din it-teknika magħrufa bħala Top Grafting.  Fil-fatt l-Organizzazzjoni tal-Produtturi Vitimalta għandha r-responsabilità li tul it-tliet snin tal-proġett twaqqaf grupp ta’ grafters Maltin mill-membri tagħha sabiex tilqim fil-futur isir minn dawn il-grafters.

Il-proġett qed ikun iffinanzjat mill-Ministeru u mill-Organizzazzjoni tal-Produtturi, fejn il-Ministeru qed jiffinanzja s-somma ta’ €100,000 u l-Organizzazzjoni se tiffinanzja s-somma ta’ €40,000 fuq tilqim li jsir fit-tieni u t-tielet sena mill-membri tagħha. 


Teknika tat-tilqim ta’ dwieli biex minn għeneb aħmar jipproduċu għeneb li jintuża għall-produzzjoni tal-inbid abjad.

Malta t-tilqim tad-dwieli dejjem sar bis-sistema tal-brokk imsejħa Cleft Grafting.  Dan it-tilqim isir fix-xhur tax-Xitwa, lejn Frar meta d-dwieli ikunu għadhom reqdin u ma bdewx joħorġu l-ewwel weraq.  It-tilqim bil-brokk isir billi titqaċċat id-dielja minn ma’ wiċċ il-ħamrija, jinqasam iz-zokk u fil-qasma li ssir jidħol il-brokk il-ġdid.  Fit-Top Grafting it-tilqima ssir fix-xhur li d-dielja tkun fl-istadju veġitattiv tagħha, qisu minn nofs April sa nofs Ġunju.  Din it-tilqima ssir fiz-zokk prinċipali tad-dielja xi 15–il ċentimetru ’il fuq minn wiċċ il-ħamrija.  It-Top Grafting huwa maqsum f’żewġ tilqimiet differenti, T Graft u Chip Bud.

T-Bud: Tinfetaħ forma ta’ T fiz-zokk tad-dielja u mill-brokk tal-varjetà l-ġdida tinqata’ biss l-għajn.  Din trid tidħol b’mod perfett bejn il-qoxra tad-dielja li nfetħet u z-zokk.  Wara jiġi mdawwar tape apposta sabiex din it-tilqima ma tarax arja u ma tinxifx.  Fl-aħħar tingħata daqqa żgħira b’serrieqa fiz-zokk taħt it-tilqima.

Chip Bud: Tinqata’ parti miz-zokk tad-dielja bil-qoxra b’kollox forma ta’ feles.  F’dan l-ispazju tidħol l-għajn li tkun inqatgħet mill-brokk tal-varjetà l-ġdida.  Il-parti maqtugħa trid tkun ta’ daqs eżatt li l-għajn li se titpoġġa toqgħod perfettament.  Wara din ukoll tiġi mgeżwra sew bit-tape.  Fl-aħħar hawn ukoll tingħata daqqa żgħira b’serrieqa fiz-zokk taħt it-tilqima.

Kemm fit-T-Bud u Chip Bud jumejn wara t-tilqim, id-dielja tinqata’ minn fuq u titħallila biss żarġuna waħda twila.  Wara ġimagħtejn tinqata’ wkoll din iż-żarġuna u tibqa biss werqa waħda.  Dan isir sabiex id-dielja tibqa ttella’ l-likwidu neċessarju sabiex tibqa ħajja.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  “L-ugwaljanza u l-kompetittività jimxu id f’id” – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262007

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow