DISKORS MILL-ONOR JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ WAQT ŻJARA FIL-LABORATORJU TAD-DIPARTIMENT TAS-SAĦĦA, IL-BELT VALLETTA, L-ERBGĦA 10 TA’ AWWISSU 2011
Grazzi talli aċċettajtu l-istedina tagħna sabiex flimkien miegħi żżuru dan il-Laboratorju tad-Dipartiment tas-Saħħa li huwa uniku f’pajjiżna. Din hija żjara rari, u sa fejn jien infurmat, din hija l-ewwel żjara tal-meżżi tax-xandir f’dan il-post.
Il-Laboratorju għandu l-għan ewlieni li jħares saħħet il-poplu Malti. Is-servizzi li jipprovdi huma analiżi għall-parametri bijoloġiċi, kimiċi u fiżiċi fl-ikel, għalf u kampjuni ambjentali. Illum il-ġurnata l-Laboratorju jeċċella bil-kbir.
Nibda biex nuri l-apprezzament kbir tiegħi, tal-Ministeru, kif ukoll tal-Gvern li nirrapreżenta, lejn il-ħaddiema kollha li jaħdmu f’dan il-Laboratorju. Hawnhekk hawn total ta’ 25 ħaddiem (ta’ gradi varji - fosthom xjentisti li għandhom BSc fil-Kimika, Bioloġija u Fiżika u ħaddiema kumplimentari) li xogħolhom huwa voluminuż u indispensabbli. Is-sena l-oħra, dan il-grupp żgħir ta’ nies kien responsabbli għall-analiżi kimika ta' tnejn u għoxrin programm tal-ikel u erbatax-il programm ieħor għall-analiżi mikrobijoloġika. Bejn wieħed u ieħor kienu analiżżati 8,000 kampjun li rriżultaw f'madwar 13,000 parametru tal-analiżi fil-Mikrobijoloġija u eluf oħra ta' testijiet kimiċi.
Ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea jesiġu li l-laboratorji tal-analiżi tal-ikel ikunu akkreditati u jkollhom proċeduri standard. Kemm il-meniġment u kemm l-istaff ħadmu fuq li ħadmu biex jiżviluppaw sistema ta' kwalità fil-meniġment, u sa mill-2008, il-Laboratorju kien akkreditat ISO/IEC 17025:2005 'General Requirements for the Competence of Testing and Calibration Laboratories' Dan hu benċmark għall-ħila tal-Laboratorju. Sa llum, filfatt, il-Laboratorju ġab l-akkreditament għal wieħed u għoxrin test fl-ikel, għalf u kampjuni ambjentali.
Dan il-laboratorju huwa uniku fil-gżejjer Maltin li joffri servizzi bħal dawn fl-analiżi u li jwettaq testijiet uffiċjali għal bosta awtoritajiet kompetenti.
Il-Laboratorju tas-Saħħa Pubblika, barra minn hekk, ġie innominat bħala l-Laboratorju Nazzjonali ta' Referenza (National Reference Laboratory - NRL) għal tmintax-il parametru kimiku, bijoloġiku fl-ikel u l-għalf. Ta' min iżid li l-Laboratorju hu sewwa sew ukoll il-Laboratorju Nazzjonali ta' Referenza għall-mikrobu Legionella.
Il-Laboratorju għandu sehem importanti mhux biss f'dak li jirrigwarda l-kontroll tal-ikel imma f'dak li għandu x'jaqsam mas-saħħa ambjentali wkoll.
Dan jiġbor fih:
i) programmi ta' sorveljar u moniteraġġ li għandhom x'jaqsmu mal-iġjene u l-kwalità tal-ikel.
ii) l-investigazzjoni ta' food poisoning u mard ieħor.
iii) il-moniteraġġ ta' ilma tal-flixkun, tal-vit, ilma baħar u tal-pixxina.
iv) il-moniteraġġ ta' materjal fekali u dust material.
v) il-moniteraġġ ta' radjazzjoni fl-ikel u fl-ambjent.
vi) l-investigazzjoni ta' tniġġiż ambjentali u kif dan jista' jolqot lill-bniedem.
Għal darb’oħra nixtieq nesprimi s-sodisfazzjon u l-apprezzament tiegħi lejn kull min jaħdem f’dan il-Laboratorju. Ix-xogħol tagħkom huwa imprezzabli għax joffri serħan il-moħħ lill-poplu tagħna.
Tul dan is-sajf rajna kif jittieħdu kampjuni tal-baħar u tal-ikel (fost oħrajn). Illum qed naraw fejn jiġu analiżżati sabiex inkunu ċerti li s-saħħa pubblika tibqa tal-għola kwalità.
Grazzi
Other Press Releases:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006