KAMPANJA EDUKATTIVA DWAR IS-SEPARAZZJONI TAL-ISKART FUQ IL-BAJJIET
Żgħażagħ Melleħin li jagħmlu parti mill-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qed jimplimentaw proġett edukattiv li permezz tiegħu qed iwasslu tagħrif edukattiv dwar is-separazzjoni tal-iskart. Il-proġett qed isir fil-Bajja tal-Għadira hekk kif fix-xhur tas-sajf din tattira numru kbir ta’ turisti u Maltin. L-għan tal-kampanja hu li ż-żgħażagħ iħeġġu aktar nies jisseparaw l-iskart waqt li jkunu fuq il-bajja billi jużaw tajjeb il-kontenituri pprovduti apposta.
Waqt żjara li għamel fil-Bajja tal-Għadira biex isegwi liż-żgħażagħ fuq dan il-proġett, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said faħħar l-impenn tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u taż-żgħażagħ tal-Mellieħa fl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett.
Hu qal li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa hu sinonimu ma’ inizjattivi favur l-ambjent b’kampanji regolari ta’ tindif u b’kampanji ta’ informazzjoni biex iħeġġeġ is-separazzjoni tal-iskart. Dan il-Kunsill Lokali hu responsabbli għal territorju kbir ħafna b’pajsaġġ li jvarja minn kampanja għal xtajtiet. Irrispettivament mill-istaġun, il-Mellieħa – minn Għajn Tuffieħa sal-Aħrax - tattira numru kbir ta’ Maltin u turisti li jgawdu l-pajsaġġ tagħha. Dan iwassal biex ikun hemm pressjoni kbira fuq ir-riżorsi tal-lokalità u jiġi ġġenerat ammont kbir ta’ skart. Hu għalhekk importanti li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jibqa’ għaddej b’din it-tip ta’ ħidma.
Is-Sindku tal-Mellieħa Robert Cutajar qal li d-deċiżjonijiet li ttieħdu fis-snin li għaddew, fosthom li ma jistgħux isiru barbecues mingħajr permess fuq il-bajja tal-Għadira, huma parti mill-impenn tal-Kunsill Lokali li jżomm il-lokalità u l-faċilitajiet li toffri fi stat eċċellenti. Hu qal li bħalissa l-Bajja tal-Għadira qed tkun assessjata biex tingħata ċ-ċertifikat Blue Flag. “Din hi ħolma ta’ dan il-Kunsill Lokali li qed nippruvaw niksbuha b’ħidma mifruxa fuq sentejn u b’kollaborazzjoni mal-Gvern, mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u mal-Green MT.
Is-Sindku tal-Mellieħa Robert Cutajar ħeġġeġ lill-Maltin li jgħumu fil-Bajja tal-Għadira biex jagħtu sehemhom f’dan il-proġett billi ma jħammġux u billi jisseparaw l-iskart.
Stqarrijiet Oħra:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006