STQARRIJA TAS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GHAT-TURIZMU, L-AMBJENT U L-KULTURA
Approvat l-abbozz finali tar-Regolamenti li ser jirregolaw ir-Registrazzjoni ta' Konsulenti b’rabta ma studji ambjentali
F'Gunju, l-Kabinett approva l-abbozz finali tar-Regolamenti li ser jirregolaw ir-Reġistrazzjoni ta' Konsulenti li jistgħu jipparteċipaw fit-tħejjija ta' studji ambjentali mnizzla fil-Hames Skeda ta' l-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kif ukoll il-moniteraġġ ta' dawn l-istudji. Dawn ir-Regolamenti tħejjew mill-Bord għar-Registrazzjoni li ġie mwaqqaf għal dan il-għan u li investa bil-qawwi f'żewg ezerċizzji ta' konsultazzjoni li l-ewwel wieħed kien jikkonsisti f'diskussjonijiet ma' partiti politiċi, NGOs u prattikanti f'dan is-settur. Bħala riżultat kien ġie wkoll ippublikat ir-rapport ta' konsultazzjoni. Dan biex ikun assigurat li jinstemgħu l-opinjonijiet tal-partijiet involuti u jkunu gew spjegati l-intenzjonijiet tar-Regolamenti l-ġodda sabiex l-istakeholders, imbgħad, jgħidu x'jaħsbu dwarhom. It-tieni fażi ta' konsultazzjoni kienet miftuħa għall-pubbliku in ġenerali.
Malta issa għandha tinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea bil-verżjoni finali tar-Regolamenti, skont in-normativi tad-Direttiva dwar is-Servizzi, proċess li ġeneralment jieħu tlett xhur għax jinvolvi l-istati membri kollha.
Dawn ir-regolamenti se jipprovdu għall-ewwel darba f'Malta, reġistru għal dawn it-tip ta' konsulenti b’rabta ma’ studji ambjentali bir-reġistrazzjoni li se tkun obligatorja. Barra minn hekk ser jipprovdi l-possibilità li jkun hemm moniteraġġ ta' l-istudji mħejjija biex dawn jiġu ikkunsidrati, flimkien ma' kriterji oħra li ser jiġu mill-awtoritajiet regolatorji u jintużaw għal skop ta' konferma tar-reġistrazzjoni. Dan sabiex tissaħħaħ id-dixxiplina fit-twettiq ta' dawn l-istudji u biex ikun hemm awditjar indipendenti.
Filwaqt li l-Gvern huwa konxju tal-kuxjenza ambjentali dejjem tikber tas-soċjetà Maltija, il-Gvern irid jimxi bi prudenza fit-tfassil ta' qafas regolatorju ġdid biex ikun assigurat li jkun wieħed robust u li fl-istess hin ikun wieħed li jispira fiduċja minn l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta' dawk involuti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006