SKEMA TA’ FINANZJAMENT BIEX IL-KUNSILLI LOKALI JTEJBU L-FAĊILITAJIET TA’ PLAYGROUNDS
Il-Gvern ħareġ skema biex jgħin finanzjarjament lill-Kunsilli Lokali jtejbu l-faċilitajiet tal-playing fields li jaqgħu direttament taħt ir-responsabbiltà tagħhom. L-iskema ħarġet mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali (DLG) u hi intenzjonata biex tassigura li dawk il-playing fields li m’humiex skont l-istandard tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), jkunu jistgħu jitranġaw bla telf ta’ żmien. L-iskema tagħlaq f’nofs Ottubru li ġej.
Waqt żjara fil-playground li jinsab fi Ġnien Joseph A. Stellini f’Ħal Balzan, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur u Kunsilli Lokali Chris Said qal li l-ispetturi tal-MCCAA diġa wettqu spezzjonijiet f’56 mill-148 playground li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali. Fil-każ ta’ seba’ minnhom instab li dawn ma kinux konformi mal-istandard u kien rakkomandat li dawn jingħalqu jew inkella kien suġġerit li dawk il-partijiet li huma perikolużi jew għandhom xi difett, ma jitħallewx jintużaw. Dan sakemm isiru t-tiswijiet jew l-arranġamenti neċessarji.
Mill-ispezzjonijiet li saru s’issa jirriżulta li l-aktar nuqqasijiet komuni fil-playgrounds Maltin huma n-nuqqas ta’ tabelli li jindikaw numri ta’ telefon f’każ ta’ emerġenza; in-nuqqas ta’ materjal li jassorbi l-waqgħa tat-tfal minn fuq l-apparat tal-logħob; apparat qadim li jista’ jkun ta’ periklu; ħitan ta’ lqugħ li mhux għoli biżżejjed, bandli mhux aġġustati tajjeb; u nuqqas ta’ sinjali tat-traffiku fil-viċinanzi tal-playgrounds.
Dawn kollha huma rekwiżiti fl-istandard imfassal mill-MCCAA (ex-MSA) fl-2010. L-ispezzjonijiet li qed isiru skont dak l-istandard, iridu jitlestew sa tmiem din is-sena. L-ispetturi tal-MCCAA ingħataw taħriġ minn uffiċjali tal-organizzazzjoni Ingliża ROSPA li tipprovdi taħriġ f’dan il-qasam. L-uffiċjali responsabli mill-playgrounds, imqabbda mil-Kunsilli Lokali, ukoll ingħataw it-taħriġ neċessarju għal spezzjonijiet li jridu jagħmlu kuljum.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-iskema għat-titjib tal-playgrounds hi intiża biex tgħin finanzjarjament li dawk il-Kunsilli Lokali li jridu jaġġornaw il-playgrounds tagħhom b’mod partikolari fejn dawn huma qodma u għaldaqstant ma kienux disinjati skond dan l-istandard. Hu appella biex kull min jiffrekwenta dawn il-postijiet għandu jgħin biex il-faċilitajiet jinżammu fi stat tajjeb sabiex jitgawdew kif suppost.
F’Ħal Balzan, is-Segretarju Parlamentari Chris Said kien akkumpanjat miċ-Chairman tal-MCCAA Francis E. Farrugia, mid-Direttur tal-Gvern Lokali Carmel Abela u mis-Sindku ta’ Ħal Balzan John Zammit Montebello.
Other Press Releases:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006