Left arrow Go Back

DISKORS MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR. LAWRENCE GONZI, FL-OKKAŻJONI TAL-INAWGURAZZJONI TAL-GĦARGĦUR FC FOOTBALL GROUND - 7 TA' AWWISSU 2011

pr1505
Date Icon 07/08/2011

Sur Sullivan, President u membri tal-Kumitat, u Sur Darmanin Demajo
Sindku, Mario Gauci
Ministri, Deputati, Kunsillieri
Sinjuri,

Il-mira tal-Gvern hi li tiżdied dejjem aktar il-parteċipazzjoni tat-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti fl-isport.  Qed nifirxu aktar il-kultura sportiva biex noħolqu soċjetà fiżikament aktar attiva u għaldaqstant aktar b’saħħitha.

Kienet wegħda elettorali tal-Gvern li tingħata spinta lill-isport.   Wegħda li qed inwettquha. 

Statistika tal-Eurobarometer turi li 62% tal-Maltin jagħmlu xi tip ta’ eżerċizzju fiżiku tal-anqas darba fil-ġimgħa.  Din ir-rata hi viċin il-medja Ewropea.  L-istess stħarriġ juri li 40% taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jipprattikaw xi sport tal-anqas darba fil-ġimgħa. Il-persentaġġ ta’ Malta f’dan ir-rigward ilaħħaq it-48%.

Biex inżidu aktar il-parteċipazzjoni fl-isports, il-Gvern qed jaħdem bi pjan.  Qed inżidu l-faċilitajiet sportivi u ngħinu lill-għaqdiet sportivi jtebu l-faċilitajiet tagħhom filwaqt li l-Gvern qed jifrex ukoll il-programmi sportivi li jorganizza fl-iskejjel u fil-komunità.

Iffukajna fuq firxa ta’ programmi sportivi biex it-tfal jikbru f’ambjent fejn l-isport u l-attività fiżika jkunu parti mill-ħajja tagħhom – stil ta’ ħajja.  U hawnhekk qed ikollna riżultati inkoraġġanti.  Aktar minn 10,000 tifel u tifla qed jipparteċipaw f’wieħed mit-8 programmi sportivi mtella’ mill-Kunsill Malti għall-Isports.   Aktar minn 20,000 student u studenta ipparteċipaw f’wieħed mill-programmi tal-iSports Promotion Unit fl-iskejjel matul is-sena skolastika li għaddiet.  Dan ma jinkludix il-lezzjonijiet tal-attività fiżika li huma obbligatorji.

Qed ninkoraġixxu u ngħinu aktar lill-ġenituri biex uliedhom jipparteċipaw aktar fl-isports.  Minbarra l-attivitajiet sportivi fl-iskejjel u dawk li semmejt, daħħalna skema ġdida li permezz tagħha ġenituri li jibgħatu t-tfal f’nurseries jew akkademji sportivi jħallsu anqas income tax.  Bħalma nagħtu tnaqqis mill-income tax lill-ġenituri li jibagħtu t-tfal tagħhom fi skejjel privati, hekk ukoll qed nagħtu tnaqqis fit-taxxa lill-ġenituri li wliedhom jipparteċipaw f’dixxiplini sportivi.

Qed ninvestu aktar fl-isports.  Il-Gvern għamel arranġament mal-MFA biex isir investiment ta’ żewġ miljun ewro għall-bini ta’ 16-il ġrawnd tal-football b’turf sintetiku ġdid.  Minbarra li minnu jgawdu t-timijiet tagħhom, qed igawdu madwar 9,000 tifel u tifla li jattendu n-nurseries. 

Il-Gvern jemmen li dawn in-nurseries apparti li jħarrġu lit-tfal u jgħinu biex ikollna tfal aktar b’saħħithom, jikkontribwixxu għall-edukazzjoni mhux formali taż-żgħażagħ tagħna fosthom kif taħdem fi grupp, id-dixxiplina u l-impenn li huma llkoll essenzjali fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Dan l-investiment jimxi id f’id mal-għajnuna finanzjarja li l-Gvern jagħti lill-għaqdiet sportivi li tlaħħaq il-€5.5 miljun permezz ta’ 25 skema differenti.

Il-Gvern qiegħed ukoll jibni faċilitajiet ġodda u jtejjeb dawk eżistenti kemm għall-isportivi kif ukoll għall-familji Maltin.  Għamilna titjib fil-pixxina Nazzjonali u fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.  Għamilna wkoll outdoor gyms biex illum qed jitgawdew bla ħlas mit-tfal u l-familji.  

L-għan tagħna mhux biss li jkollna atleti professjonali iżda li nagħmlu l-isport stil ta’ ħajja sabiex ikollna soċjetà fiżikament u soċjalment b’saħħitħa permezz tal-isport.

Sinjuri,

Dawn il-faċilitajiet ġodda li qed ninawguraw illum saru possibbli minħabba l-impenn tal-voluntiera f’dan il-club. 

Il-Gvern qed jassisti lill-għaqdiet sportivi u lill-atleti bi skemi, finanzjament u faċilitajiet sportivi. Madankollu l-volontarjat għandu sehem importanti li qed jikkontribwixxi ħafna biex tiżdied l-attività sportiva fost il-poplu tagħna.  

F’isem il-Gvern nirringrazzja lill-mijiet ta’ volontiera li jagħtu l-ħin tagħhom lejn l-iżvilupp tal-logħba tal-football u ta’ kwalunkwe sport ieħor.  Intom qed tgħaddu valuri lill-uliedna permezz tal-isport.  Qed tagħtuhom stil ta’ ħajja aħjar.  U qed tgħinu biex jikbru aktar b’saħħithom.

Grazzi ħafna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  “L-ugwaljanza u l-kompetittività jimxu id f’id” – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262007

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow