Left arrow Go Back

STQARRIJA TAS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ U L-ISPORTS: ALLEGAZZJONIJIET BLA BAŻI JISTGĦU JGERRXU INVESTIMENT KBIR GĦALL-PAJJIŻ

pr1503
Date Icon 07/08/2011

 “Bi pjaċir ninnota l-irtirar tar-riżenja taċ-Chairman tal-Malta Racing Club ... Mhux se niddgħajjef b’kampanji ta’ tfiegħ ta' tajn – l-interess tiegħi jibqa’ li nibnu pedamenti sodi għall-prattika ta’ l-isports f’pajjiżna”- is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli

Is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isports bi pjaċir jinnota d-deċiżjoni ta’ Dr. Matthew Brincat li l-bieraħ irtira r-riżenja tiegħu minn Chairman tal-Malta Racing Club (MRC) u għalhekk se jkompli għaddej bix-xogħol tiegħu fil-qasam tat-tiġrijiet taż-żwiemel u fil-ħidma biex jitwettaq il-proġett tal-Villaġġ Sportiv tal-Marsa. 

“Il-Gvern itenni l-fiduċja sħiħa tiegħu f’Dr. Matthew Brincat bħala Chairman ta’ l-MRC u jġedded l-impenn tiegħu biex fil-Marsa jinbnew faċilitajiet sportivi ta’ livell internazzjonali bħala parti minn proġett ħolistiku li se jbiddel il-Marsa minn kif nafuha llum għall-villaġġ sportiv state-of-the-art” sostna s-Segretarju Parlamentari Clyde Puli.

F’isem id-dilettanti kollha tat-tiġrijiet taż-żwiemel fil-Marsa, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isports Clyde Puli rringrazzja lil Dr. Matthew Brincat għall-ħidma u d-dedikazzjoni tiegħu fil-qasam tat-tiġrijiet taż-żwiemel u l-Villaġġ Sportiv tal-Marsa minkejja li f’ħafna ċirkostanzi kellu jħabbat wiċċu ma’ sagrifiċċji personali biex jaqdi l-funzjoni tiegħu ta’ Chairman ta’ l-MRC.

Marsa Sports Village: Bi sħab mal-privat fl-aħjar interess tal-isportivi u l-familji Maltin


Il-viżjoni tal-Gvern għall-isport hija li jidħol bi sħab mal-privat biex jibni u jmexxi faċilitajiet sportivi ta’ livell internazzjonali mingħajr ma jżid il-piż finanzjarju fuq l-għaqdiet sportivi u fuq il-kaxxa ta’ Malta.

Il-viżjoni tal-Gvern ta’ bini ta’ villaġġ sportiv fil-Marsa ilha fl-aġenda tal-Gvern sa mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura u lura fl-2009, is-Segretarju Parlamentari kien diġa’ tkellem fil-pubbliku li qed jitħejja pjan sabiex din iż-żona tiġi żviluppata b’mod ħolistiku f’kumpless ta’ faċilitajiet sportivi state-of-the-art.

Mhux se niddgħajjef b’kampanji ta’ tfiegħ ta' tajn

B’referenza għall-spekulazzjoni bla bażi li tiżra d-dubji, fuq il-Marsa Sports Village, is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli qal li l-ebda kampanja ta’ tfiegħ ta’ tajn li tuża lill-media biex toħloq pressjoni diretta jew indiretta, minn interessi kummerċjali jew interessi oħra, ma hi se ddagħjfu fl-impenn tiegħu biex jinbnew faċilitajiet sportivi ta’ livell internazzjonali għall-ġid tal-pajjiż kollu, b’mod partikolari għall-isportivi Maltin u Għawdxin.

Is-Segretarju Parlamentari qal li kull min juża’ dawn it-tattiċi jkun qed jipperikola,  jnaffar u jgerrex investiment kbir bi ħsara għall-pajjiż.

Is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport jiċħad kategorikament l-allegazzjoni li hemm xi investitur diġa ippreferut u jikkundanna ġurnaliżmu spekulattiv li jagħżel li jippreżenta stampa imċajpra tal-verità ibbażata fuq opinjonijiet żbaljati minsuġa ma’ selezzjoni ta’ ftit fatti.

“Il-ħidma tiegħi qed titwettaq fil-kuntest ta’ strateġija għall-isports li qed twassal biex f’Malta jinbnew pedamenti sodi għall-isport fejn l-isportivi, l-atleti u l-għaqdiet rappreżentanti tagħhom jingħataw l-għodda meħtieġa biex jimirħu. L-isport qiegħed ukoll jingħata direzzjoni li tirrendi lill-ekonomija ta’ pajjiżna. Fil-fatt it-turiżmu sportiv iġġenerat fis-sena li għaddiet irdoppja fuq dak tas-sena ta’ qabel. Fl-aħħar sentejn, it-turiżmu sportiv ġab lejn Malta 63,000 bed night u ġġenera madwar €3.6 miljun għall-ekonomija Maltija” kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari Puli.

Trasparenza sħiħa permezz ta’ żewġ proċessi ta’ konsultazzjoni

Wara li tħabbret il-viżjoni tal-villaġġ sportiv tal-Marsa fl-2009 twettqu wkoll żewġ proċessi ta’ konsultazzjoni pubblika.  Dawn il-konsultazzjonijiet wasslu għall-ħruġ ta’ sejħa pubblika għall-interess fl-iżvilupp tal-proġett. L-ewwel proċess ta’ konsultazzjoni pubblika sar mill-MEPA qabel ma’ ġew approvati l-emendi fil-pjan lokali għall-Marsa. Sar ukoll proċess ta’ konsultazzjoni mis-Segretarjat Parlamentari mal-entitajiet sportivi involuti bil-għan li tinġabar lista ta’ ħtiġijiet li għandhom bżonn d-dixxiplini sportivi fil-Marsa. Is-sejħa għall-espressjoni ta’ interess għall-iżvilupp tal-Marsa Sports Village tfasslet fuq it-talbiet li saru minn dawn l-għaqdiet sportivi waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni magħhom.

Sa’ mit-tħabbir tagħha, il-viżjoni tal-Gvern dwar il-Marsa Sports Village qanqlet interess minn diversi partijiet. Is-Segretarjat Parlamentari ltaqa’ ma’ dawk kollha li talbu biex jagħmlu dan.  F’dawn il-laqgħat ġiet spjegata l-viżjoni tal-Gvern għaż-żona tal-Marsa u l-intenzjoni tal-Gvern li eventwalment jagħżel l-żviluppatur tal-proġett permezz ta’ tender pubbliku, kif fil-fatt qed isir bis-sejħa li għadha kif ġiet ippblikata.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  “L-ugwaljanza u l-kompetittività jimxu id f’id” – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262007

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow