JIŻDIEDU L-OPERAZZJONIJIET FL-EWWEL SITT XHUR TAS-SENA
It-total tan-numru tal-operazzjonijiet li saru fl-Isptar Mater Dei fl-ewwel 6 xhur ta’ din is-sena kien ta’ 21,548. Din tfisser żieda ta’ 4,440 intervent fuq l-ewwel 6 xhur tas-sena 2007 li kienet l-aħħar sena tal-Isptar San Luqa meta kienu saru 17,108 operazzjoni.
Fl-isptar Mater Dei din is-sena saru medja ta’ 119 operazzjoni kuljum, inkluż is-Sibt u l-Ħadd.
Kien hemm żieda wkoll ta’ 927 fuq in-numru tal-operazzjonijiet li saru fl-2010, meta fl-ewwel sitt xhur kienu saru 20,621 operazzjoni.
Is-sena li għaddiet saru numru rekord ta’ operazzjonijiet f’sena waħda - 41,794; f’San Luqa kienu saru 32,820.
Mejju 2011 kien xhar rekord b’total ta’ 3,762 operazzjoni.
Qed jittieħdu diversi inizjattivi sabiex ikomplu jiżdiedu l-operazzjonijiet u jitnaqqas iż-żmien tas-stennija għall-operazzjonijiet. Żdied in-numru ta’ infermiera u professjonijisti li jaħdmu mad-dipartiment tas-saħħa. Kien hemm żieda wkoll fin-numru ta’ siegħat li fihom jintużaw it-teatri għall-operazzjonijiet.
B’arranġament ma’ żewġ kliniċi privati, se jsiru numru ta’ operazzjonijiet tal-kataretti li għalihom se jħallas il-Gvern.
Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita’ Joe Cassar qal li l-inizjattivi li qed jittieħdu qed jagħtu riżultati. Hu qal li qed jiżdiedu l-operazzjonijiet, jiżdiedu s-servizzi mediċi, jiżdiedu s-servizzi ta’ prevenzjoni u qed jiżdiedu l-medicini li jingħataw b’xejn. Hu qal li l-Gvern qed jipprovdi aktar fondi biex il-poplu Malti u Għawdxi jingħata servizz tas-saħħa ta’ kwalita’ mill-aqwa u b’xejn. Hu irringrazzja lill-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa tas-servizz li jagħtu tul is-sena kollha.
Other Press Releases:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006