STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ
L-istqarrija tal-Oppożizzjoni dwar is-saħħa turi kemm l-Oppożizzjoni m’għandiex kuxjenza soċjali, tipprova tuża nies vulnerabbli għal skopijiet partiġġjani u tagħmel minn kollox biex tagħmel il-ħsara lis-servizz tas-saħħa f’pajjiżna. Dan hu ta’ għajb.
L-Oppożizzjoni u l-kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, l-Onor. Marie Louise Coleiro Preca, reġgħu daħlu fin-nasba tagħhom stess meta ħarġu stqarrija kontradittorja u mimlijja b’nuqqas ta’ fatti u ineżatezzi fuq l-“outsourcing” tal-operazzjonijiet tal-kataretti. Din l-istqarrija saret b’nuqqas serju ta’ ħsieb għaliex għandha għan wieħed warajha, dak li toħloq inċertezza fil-pazjenti li qed jistennew biex jiġu operati.
Mhux veru li ma kienx hemm konsultazzjoni. Kien hemm konsultazzjoni maċ-Chair tal-Oftalmoloġija, Dr. Thomas Fenech. Il-laqgħat fuq il-lista ta’ stennija bdew fit-12 ta’ Mejju 2010 u l-iżvilupp tal-“outsourcing” beda immedjatament wara. Dan wassal biex il-Gvern illum qiegħed iżid is-servizzi mediċi b’xejn biex persuni li għandhom bżonn operazzjoni tal-katarretti jagħmluha fil-privat u jħallas il-Gvern.
Iż-żewġ “clinics” li se jintużaw huma lliċenzjati kif suppost. Il-Gvern għandu mekkaniżmu u proċeduri li bihom jassigura li l-provediment tas-servizz ikun tal-aqwa livell.
Il-pazjenti li se jagħmlu użu minn dan is-servizz li se jħallas għalihom il-Gvern, jibqgħu parti mis-servizz tas-saħħa pubbliku u għaldaqstant wara l-operazzjoni, jibqgħu responsabbiltà tat-tobba tal-Isptar Mater Dei.
Mhux veru li l-ammont ta’ operazzjonijiet tal-kataretti fl-Isptar Mater Dei ma żdiedx. Fil-fatt fl-2008 kienu jsiru 28 operazzjoni tal-kataretti fil-ġimgħa, li telgħu għal 40 fl-2009 u komplew jitilgħu għal-55 fl-2010. Din iż-żieda fissret li l-istennija għall-operazzjoni niżlet. Bl-inizjattiva li tħabbret din il-ġimgħa l-istennija se tkompli tonqos.
Il-ħsieb huwa li dawn l-operazzjonijiet isiru b’mod definit, sakemm titnaqqas il-lista ta’ stennija, meta dan isir, l-outsourcing fil-privat jieqaf u jitkomplew biss fl-Isptar Mater Dei. Din l-inizjattiva għandha tikkumplimenta inizjattivi oħrajn li jkomplu jżidu l-effiċjenza tad-Dipartiment tal-Oftalmoloġija fl-Isptar Mater Dei u jżommu s-sala tal-operazzjonijiet tal-kataretti attiva s-sena kollha. Dan kollu, sabiex ikompli jonqos in-numru tal-operazzjonijiet u jitnaqqas iż-żmien ta’ stennija.
L-Oppożizzjoni trid tiddeċiedi jekk hux favur jew kontra inizjattivi li jittieħdu favur il-pazjenti. Il-Gvern qed jieħu deciżjonijiet għal ġid ta’ saħħet il-poplu Malti u l-pazjenti. L-Oppożizzjoni min-naħa tagħha hi interessata biss li tfixkel.
Stqarrijiet Oħra:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006