Left arrow Mur Lura

AKTAR PROĠETTI FL-ISKEMA TAL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX GĦALL-KUNSILLI LOKALI

pr1494
Date Icon 05/08/2011

Jinsab għaddej b’ritmu tajjeb ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid u restawr tal-arkati storiċi magħrufa bħala L-Għajn tal-Loġoġ li jinsabu qrib L-Għajn tal-Ħasselin fil-Fontana Għawdex. Dan ix-xogħol qed isir mill-Kunsill Lokali tal-Fontana u qed jiġi ffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex taħt l-iskema ta’ eko-Għawdex għall-Kunsilli Lokali.

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, żaret ix-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin f’dan is-sit li minbarra li għandu mportanza għall-lokalità, huwa wkoll ta’ attrazzjoni għal diversi turisti Maltin u barranin li jżuru lil Għawdex matul is-sena kollha.  Il-Ministru spjegat kif din hija biss waħda minn għadd ta’ inizjattivi li permezz tagħhom ser isir titjib fil-prodott turistiku tal-gżira Għawdxija permezz ta’ skema mnedija mill-Ministeru għal Għawdex taħt il-pjan ta’ azzjoni marbut ma’ eko-Għawdex. Proġetti li qegħdin jitwettqu minn dawn il-Kunsilli Lokali jinkludu fost l-oħrajn bini ta’ ħitan tas-sejjieħ u konservazzjoni ta’ nħawi rurali f’diversi lokalitajiet, proġetti marbuta ma’ temi ambjentali bħal ma huma tindif tal-widien, l-użu ta’ sistemi tad-dawl li jnaqqsu l-konsum tal-elettriku, kif ukoll bdil ta’ vetturi biex jiġu mnaqqsa l-emissjonijiet ta’ gassijiet tossiċi.

Il-Ministru għal Għawdex uriet is-sodisfazzjon tagħha għar-rispons pożittiv li bih intlaqgħet din l-iskema u li permezz tagħha tmien Kunsilli Lokali u tlett Kumitati Amministrattivi ser ikunu qed iwettqu tlettax-il proġett  li kollha jolqtu xi waħda mill-miżuri tal-pjan ta’ azzjoni marbut mal-viżjoni eko-Għawdex. Bejniethom dawn ser ikunu qed jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja li tlaħħaq aktar minn €660,000 b’massimu ta’ €70,000 kull proġett. ‘Fuq kollox din l-iskema qed tirriżulta f’parteċipazzjoni attiva mill-lokalitajiet Għawdxin kollha fil-ħidma tal-Gvern bil-għan li l-viżjoni eko-Għawdex issir realtà, qalet l-Onor. Giovanna Debono.

Sadanittant din il-ġimgħa ġiet imnedija t-tieni sejħa ta’ din l-iskema bil-għan li dawk il-Kunsilli li ma laħqux applikaw fl-ewwel sejħa jkunu jistgħu jibbenefikaw huma wkoll mill-fondi allokati taħt din l-iskema. Barraminhekk dawk il-Kunsilli li qed jaħdmu fuq proġetti li l-ispiża tagħhom hija inferjuri għall-massimu ta’ €70,000 qed jingħataw opportunità li jibbenefikaw minn dan il-massimu permezz ta’ proġetti oħra. L-applikazzjonijiet bdew jintlaqgħu matul il-ġimgħa li għaddiet u ser jibqgħu jintlaqgħu sat-Tnejn 29 ta’ Awwissu, 2011.

Minbarra l-proġett tal-Għajn tal-Loġoġ il-Kunsill Lokali tal-Fontana se jkun impenjat fuq żewġ proġetti oħra taħt l-istess skema. Dawn jinkludu l-installazzjoni ta’ pannell gwida li jispjega l-istorja tas-sit f’diversi lingwi kif ukoll l-installazzjoni ta’ dawl dekorattiv fit-toroq, li ser ikun aktar ornamentali minn dak eżistenti u fuq kollox jaħli inqas enerġija.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  “L-ugwaljanza u l-kompetittività jimxu id f’id” – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262007

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow