TISĦIĦ FIL-FAĊILITAJIET U FL-EFFIĊJENZA FIS-SERVIZZI TAR-RADJOLOĠIJA F’GĦAWDEX
Wara kważi ħames xhur minn meta ġie inawgurat uffiċċjalment id-Dipartiment tar-Radjoloġija ġdid ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, għamlet żjara qasira f’dan id-Dipartiment fejn iltaqgħet ma’ wħud mill-ħaddiema u uffiċċjali fl-amministrazzjoni tal-isptar. Il-Ministru Debono żaret il-ħames taqsimiet f’dan id-dipartiment li jinkludu Skeletal Digital X-ray unit, Digital Radiography/Fluoroscopy Unit, Ultrasound unit with colour Doppler, Direct Digital Mammography Unit u Spiral CT Scan 64-slice. Ir-riżultati minn dan l-apparat, kollha huma aċċessibli mill-Isptar Mater Dei permezz ta’ sistema elettronika li tippermetti aċċess għall-informazzjoni mill-isptarijiet rispettivi.
Kif kien mistenni t-tisħiħ fil-faċilitajiet f’dan id-dipartiment irriżulta f’żieda sostanzjali ta’ servizzi mogħtija minn apparat diġitali ġdid u modern f’ambjent rinovat li kompla għolla l-kwalità tas-servizzi li jingħataw lil pazjenti filwaqt li tejjeb ukoll l-ambjent li fih jaħdmu l-ħaddiema. It-twaqqif ta’ dan id-dipartiment ġdid ġewwa l-isptar f’Għawdex primarjament fisser li għadd ta’ pazjenti Għawdxin li qabel kienu jiġu riferuti biex jagħmlu testijiet f’Malta bdew jiġu riferuti fl-isptar f’Għawdex. Minbarra li naqqas l-inkonvenjent ta’ dawn il-pazjenti fl-iskariġġ tal-ivjaġġar bejn iż-żewġ gżejjer, dan il-fattur kellu wkoll effett pożittiv minħabba li issa jista’ jingħata fi żmien relativament iqsar. Din l-effiċjenza ġiet riflessa speċjalment fin-numru ta’ CT Scans li saru bejn Jannar u Lulju li jgħodd madwar 650 test. Dan jinkludi numru ta’ pazjenti Għawdxin li kienu qed jistennew biex isirilhom CT Scan fl-Isptar Mater Dei u minflok ġew trasferiti biex it-test isir f’Għawdex. L-uffiċċjali tal-isptar fissru kif dan l-apparat qed jiswa wkoll ta’ benefiċċju għal pazjenti Għawdxin li jattendu għal kimoterapija fl-Isptar Boffa fejn CT scans qed isiru f’Għawdex stess. Minbarra li jnaqqas il-pressjoni fuq l-isptarijiet f’Malta dan qed jirriżulta wkoll f’inqas użu tal-ambulanzi fit-trasport ta’ pazjenti lejn Malta u f’ċertu każi medja ta’ lejl anqas fl-okkupazzjoni tas-sodda ġewwa l-isptarijiet.
Minbarra s-servizz tas-CT Scan ġew ukoll introdotti f’Għawdex is-servizzi tal-mammografija. Permezz tal-Mammography Unit, nisa Għawdxin qed jipparteċipaw fin-National Breast Screening Programme u s’issa l-medja tar-rispons f’Għawdex kien ogħla mill-medja nazzjonali. Barra minhekk din it-taqsima bdiet tintuża wkoll f’każijiet ta’ testijiet sintomatiċi.
Il-Ministru Giovanna Debono fissret sodisfazzjon għall-koperazzjoni li ntweriet min naħa tal-ħaddiema speċjalment fl-impenn li wassal biex qatt ma twaqqaf is-servizz il-qadim fiż-żmien meta kien għaddej ix-xogħol. Il-Ministru faħħret ukoll l-impenn li wrew il-ħaddiema li lkoll attendew għal sessjonijiet ta’ taħriġ ikkoordinati fuq numru ta’ ġimgħat fl-Isptar Mater Dei. Dan wassal biex illum ir-radjografi u staff tekniku ieħor huma aktar kunfidenti fl-użu ta’ dan l-apparat u dan esprimewh huma stess waqt din iż-żjara. Il-Ministru fissret kif dan huwa ta’ benefiċċju l-ewwel u qabel kollox għall-pazjenti u saħħqet dwar il-ħtieġa li dawk li jaħdmu fis-servizzi tas-saħħa għandhom dejjem ikunu ispirati mill-ħtieġa ta’ servizz tajjeb u kostanti f’kull eventwalità.
‘Fid-dawl ta’ dan, il-Ministeru għal Għawdex qed ikompli bil-pjanijiet biex ikomplu jiġu ristrutturati partijiet minn dan l-isptar mingħajr ma jiġi mxekkel l-operat ta’ kuljum’, qalet l-Onor Giovanna Debono. Fost l-ewwel xogħlijiet li mistennija jibdew dalwaqt, hemm ir-ristrutturar tal-kuriduri prinċipali li se jinksew bil-madum filwaqt li se jinbidel is-saqaf u jinbidlu wkoll is-servizzi li għaddejjin taħt s-suffitt u jsir wieħed ġdid. Qed isir ukoll studju biex tiġi determinata l-vijabilità tal-installazzjoni ta’ sistema ta’ enerġija rinovabbli li taqdi l-eżiġenzi tal-isptar.
‘Il-Ministeru għal Għawdex qed ikompli jinvesti f’aktar titjib biex l-istruttura u s-servizzi tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li issa ilu jopera għal aktar minn 35 sena, ikomplu jiġu aġġornati biex jiġu msaħħa dejjem aktar is-servizzi tas-saħħa li jingħataw fuq il-gżira ta’ Għawdex’, temmet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.
Other Press Releases:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006