STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jirreferi għall-istqarrija tal-Onor. Anthony Agius Decelis, kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Biedja u s-Sajd.
Il-Gvern jinnota li llum l-Oppożizzjoni qed tagħraf l-importanza tal-investiment li sar f’pajjiżna biex llum għandna Hard Standing Facility. Qabel ma kien sar dan l-investiment b’għajnuna minn fondi tal-Unjoni Ewropea, is-sajjieda kien ikollhom isiefru l-bastimenti tagħhom għall-manutenzjoni, iħallsu għas-servizz u x-xogħol kien isir mill-barranin. Dan illum ma jseħx għax is-servizz qed ikun ipprovdut lokalment b’opportunitajiet ta’ xogħol għall-Maltin.
Fir-rigward tal-proposta tal-miżati l-ġodda, filwaqt li jrid ikun iċċarrat li dejjem kien jintalab ħlas għas-servizz, din il-proposta ilha miftuħa għall-konsultazjoni għal dawn l-aħħar 4 ġimgħat. Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali rċieva biss kummenti mingħand l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd.
L-Oppożizzjoni setgħet b’mod faċli flok tilgħab għall-gallarija, tersaq ‘il quddiem bi proposti. Biss bħas-soltu l-Oppożizzjoni dan m’għamlitux.
Issa jmiss li l-Gvern janalizza l-proposti li daħlu biex b’hekk tkun deċiża t-triq ‘l quddiem.
Il-Ministeru jikjarifika li bħal ma kien diġa għamel, din is-sena wkoll se tingħata konċessjoni biex il-landing officer ikun fil-port ta’ San Pawl il-Baħar u Marsaskala. Din il-konċessjoni qed tingħata fuq perjodu itwal mis-sena l-oħra u tapplika mill-ewwel t’Awwissu sal-aħħar ta’ Settembru u mill-ewwel ta’ Diċembru sal-aħħar ta’ Marzu 2012. Iż-żewġ koperattivi ġew mgħarrfa b’dan f’laqgħa li saret magħhom xi ġimgħat ilu.
Other Press Releases:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006