ID-DEVOLUZZJONI SSAĦĦAĦ L-IDENTITÀ
“Il-wirt storiku ta’ kull lokalita’ jagħti l-identità lir-residenti ta’ dik il-lokalità. Għalhekk huwa importanti li dan il-wirt jiġi indukrat, filwaqt li jiġi integrat fil-ħajja ta’ kuljum tar-residenti tal-lokalità. B’hekk dan isir wirt ħaj, parti integrali fl-identità tal-persuni, u dan b’sostenibbilità.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi illum waqt ċerimonja qasira li fiha it-Turretta ta’ Ħal Għaxaq għaddiet b’devoluzzjoni lill-Kunsill Lokali ta’ l-istess lokalità.
Is-Segretarju Parlamentari qal li b’din id-devoluzzjoni, is-6 waħda mill-bidu tas-sena, il-Gvern qiegħed jikkonferma l-politika ta’ devoluzzjoni, li biha Kunsilli Lokali u organizzazzjonijiet li jagħmlu ġid, jingħataw iżjed għodda b’xiex jaħdmu. Huwa saħaq li dan jgħodd ta’ ġid fuq bosta livelli, hekk kif il-wirt storiku jingħata l-importanza li jkun jixraqlu, u dan għall-ġid tar-residenti tal-lokalitajiet tagħna.
Mistiedna għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll residenti ta’ Ħal Għaxaq, kif ukoll tfal mill-iSkola Sajf tal-lokalità. Lil dawn il-mistednin żgħażagħ, Jason Azzopardi ħeġġiġhom jitgħallmu fuq l-istorja ta’ Ħal Għaxaq li hija twila u sabiħa. Huwa qal li b’hekk huma jikbru jħobbu l-lokalità tagħhom, filwaqt li jrawwmu identità, u sens ta’ appartenenza għal raħal twelidhom.
Intant waqt l-istess ċerimonja, Dr Mario Rizzo Naudi għamel preżentazzjoni dwar l-istorja, u l-importanza tat-Torri, li għal żmien kien ċentrali fid-difiża tal-gżejjer Maltin. Huwa fiehem kif Dan it-Torri, magħruf bħala Semaphore Tower, isegwi fi tradizzjoni twila ta’ kostruzzjoni ta’ torrijiet li tmur lura għal żmien il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann, bi Grammastri bħal Garzes, Alof de Wignacourt, Lascaris u De Redin l-iżjed li bnew torrijiet.
Dan it-Torri partikolari kien mibni fi żmien l-Ingliżi fl-1848 flimkien ma’ oħrajn, fil-Għargħur, u n-Nadur ġewwa Għawdex u kienu żdiedu ma dawk tal-Palażż il-Belt, ma’ dak ta’ Selmun u Ta’ Ġurdan Light House ġewwa Għawdex. Dan it-Torri inbena fuq l-ogħla post tar-raħal, b’mod li meta wieħed jitla fuq il-bejt jista jara sew il-bajjiet ta’ Birżebbuġa u ta’ Marsaxlokk lejn in-nofs-inhar: l-Mdina u it-turretta tal-Palazz il-Belt tintlemaħ ukoll lejn it-tramuntana.
Jason Azzopardi fakkar li dan it-torri, kif soltu jsir qiegħed jgħaddi għand il-Kunsill Lokali għall kirja minima ta’ €250 fis-sena. Huwa qal li l-Gvern seta’ faċilment iġib ammont ferm ikbar ta’ flus kieku għadda din il-proprjetà għal kirja kummerċjali, iżda l-ġid li jista’ jiġġenera f’idejn il-Kunsill Lokali, li żgur jaf sewwa l-bżonnijiet tal-lokalità, huwa ferm ikbar.
Jason Azzopardi feraħ lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq, u awgura li x-xogħol ta’ restawr u manutenzjoni jibda’ ma jdumx.
Tagħrif Storiku
minn Dr Mario Rizzo Naudi MD
Is-sistema ta’ komunikazzjoni użata minn dan it-torri u oħrajn bħalu kienet tixbaħ forma ta’ ‘Morse code’, li kienet issir permezz ta’ kuntatt viżibli. L-għadu ghalhekk seta jaqra l-messaġġi li jintbgħatu ukoll. Fil-maltemp, fi ċpar, jew fid-dlam il-messagg ma kienx jintlemah. Din s-sistema kienet ivvintata minn Claude Chappe, Franċiż u kienet tippermetti li messaġġ seta jintbagħt malajr minn naħa ta’ pajjiż għall ieħor. Napuljun kien juża din is-sistema fill-gwerrer tiegħu fiċ-ċentru ta’ l-Ewropa.
L-apparat tas-sinjali, li kien jittella fuq il-bejt ta’ dawn it-torrijiet, kien jikkonsisti f’arblu tal-injam twil madwar tnax il-pied, bi tlett paletti li jiċċaqalqu biex jintbagħat messaġġ. L-itwal paletta kienet imwaħla b’fus fin-nofs u żewġ paletti, waħda f’kull tarf. Il-paletti kienu jitmexxew minn operatur wieħed, b’sistema ta’ ingranġġ u ktajjen imwaħlin ma’ manku. Biex jintbagħt messaġġ, l-operatur kien iċċaqlaq tnejn mill-manek, u dawn kienu mexxu l-paletti skont l-ittra jew in-numru li kien ikun jrid jintbagħat. Dawn il-paletti setghu jagħmlu disa’ movimenti biss; kombinazzjoni ta’ dawn il-movimenti kienu jissimbolizzaw l-alfabett u numri minn zero sad-disgħa. Operatur tajjeb seta’ jibgħat messaġġ bi ħmistax il-karattru fil-minuta.
It-torrijiet kienu jikkonsistu fi tlett kmamar fuq xulxin, li kienu magħquda b’garigor sa’ fuq il-bejt. Kull torri kellu l-kċina u faċilitajiet sanitarji tiegħu biex is-suldati jkunu moqdija u komdi.
Fl-1851 inħass li dawn it-torrijiet, avolja kienu ta’ użu siewi għall militar, il-Gvern kien qed jara li l-ispejjeż biex iżommhom kienu għolja. Fattur ieħor kien li beda dieħel it-telegraf elettriku. Fl-1883, ingħalaq l-aħħar torri li kien dak tan-Nadur ġewwa Għawdex.
Skont il-ktieb “Ħal Għaxaq u Niesu’, f’pagna 156, Winston Zammit jgħid li fl’1860 saru tiswijiet fuq it-Turretta li nbdew f’Awwissu u tlestew fl-istess sena. L-ispiża kienet ta’ 29 lira u 11 il-xelin. Fis-seduta tal-Kunsill tal-Gvern tas-6 ta’ Jannar 1872, ġiet ivvotata s-somma ta’ 12 il-lira “ for providing a set of signal flags of the commercial code for Għaxaq station”.
Minn din il-kitba jidher li l-Ingliżi, maż-żmien kienu qalbu għall metodu ta’ messaġġi li jintbatu bis-sistema ta’ tixjir ta’ bnadar magħrufa bħala ‘Flag semaphore system’.
Is-sinjali bil bnadar magħrufa wkoll bħala ‘Wig-Wag Flags’ kienu ntużaw l-ewwel darba fl-1850. F’din is-sistema viżiva ta’ messaggi, jintużaw żewġ bnadar, waħda f’kull id u jixxejru skont l-ittra ta’ l-alfabet, għaliex kull ittra kella l-posiżjoni partikulari tagħha. Il-bnadar kellhom qies ta’ 2, 4 jew 6 piedi kwadri u generalment kienu jew ħomor, jew suwed bi kwadru abjad fin-nofs jew bojod kollha bi kwadru aħmar fin-nofs. Kull ittra kienet kombinazzjoni ta’ tlett movimenti.
Maż-żmien il-militar Ingliż ħass li kien hemm spejjeż kbar biex jimpjegaw dan l-ammont ta’ irgiel f’dawn it-turretti. Għalekk f’1851 il-Board ta’ l-Ordinanza issuggerixxa li il-penzjonanti tar-Royal Malta Fensible Regiment jieħu post dawn is-suldati b’paga ta’ 40 Lira fis-sena. Minkejja dan is-suġġeriment, dan ma seħx u it-turretti baqaw jigi mħadma mir-Royal Engineers.
Fil-Gwerra tal-Krimeja f’1854-6 beda jintuża it-telegrafu u l-kmandant tal-forzi f’Malta beda jaħseb biex idaħħal il-Morse Code. F’Malta din il-bidla hadet aktar żmien biex daħlet. Fl’1883 kienu ingħalqu it-turretti għall dejjem, l-aħħar li ingħalaq kien dak tan-Nadur f’Għawdex.
Other Press Releases:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006