IL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX JIFFINANZJA STUDJU DWAR IŻ-ŻGĦAŻAGĦ F’GĦAWDEX
Permezz tal-iskema ta’ Eko-Għawdex għall-Għaqdiet Mhux Governattivi, il-Fundazzjoni Oasi, l-organizzazzjoni li taħdem qrib iż-żgħażagħ li jaqgħu fil-vizzji tal-alkoħol u d-droga, ser tibda taħdem fuq il-proġett Young People in Gozo – Study (2, ) li permezz tiegħu ser jiġi aġġornat studju eżistenti dwar iż-żgħażagħ f’Għawdex.
Dan il-proġett tnieda dalgħodu f’konferenza li ġiet indirizzata mill-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono. Hija qalet li dan l-istudju ser jiġi aġġornat wara għaxar snin bis-saħħa ta’ appoġġ finanzjarju ta’ kważi €49,000 mill-Ministeru għal Għawdex. Sostniet li fid-dawl tal-fatt li din is-sena ġiet iddedikata mill-Kummissjoni Ewropea bħala s-Sena tal-Volontarjat, il-Ministeru għal Għawdex qed jirrikonoxxi wkoll ix-xogħol kollu li jsir minn din l-għaqda volontarja Għawdxija b’risq iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li jiġu bżonn is-servizzi tagħha. Il-Ministru għal Għawdex fissret kif din hija biss waħda mid-diversi inizjattivi marbuta mal-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni 2010 – 2012 marbut ma’ eko-Għawdex.
Dan l-istudju, li ġie afdat f’idejn Dr Andrew Azzopardi, għandu l-għan li janalizza, jissuġġerixxi, jipproponi u jippjana strateġiji li fuqhom ikunu jistgħu jiġu meħuda azzjonijiet għall-futur flimkien ma’ riċerka oħra li hija primarjament ta’ benefiċċju għaż-żgħażagħ. Filwaqt li jaġġorna l-istudju li kien sar qabel, dan il-proġett ser jagħti attenzjoni partikolari għal kwistjonijiet soċjali ġodda li jitrattaw ukoll perikli u vizzji oħra fost iż-żgħażagħ u t-tfal, minbarra dawk relatati mat-tabakk, drogi u l-alkoħol. Żgħażagħ ta’ bejn l-għaxra u t-tletin sena ser ikunu fiċ-ċentru ta’ din ir-riċerka flimkien ma’ persuni u entitajiet oħra konċernati fosthom edukaturi u politiċi b’koordinazzjoni mal-Fundazzjoni Oasi. Dr. Azzopardi ta’ ħarsa dettaljata dwar kif ser tkun mqassma ir-riċerka filwaqt li rrimarka li inizjattivi ta’ din in-natura jsaħħu l-objettiv ħolistiku ta’ eko-Għawdex li jfittex li jotjeni żvilupp sostenibbli f’oqsma soċjo-ekonomiċi minbarra f’dawk ambjentali.
Permezz tal-iskema ta’ eko-Għawdex għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Għawdxin ser jibbenefikaw 37 għaqda, li bejniethom ser ikunu qed jingħataw għajnuna li tlaħħaq €1.24 miljun. Bis-saħħa t’hekk ser ikunu qed jitwettqu 38 proġett differenti, li kollha jolqtu xi waħda mill-miżuri tal-pjan ta’ azzjoni marbut mal-viżjoni eko-Għawdex.
Other Press Releases:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006