OPERA VS POP UNDER THE STARS GĦAR-RABA’ SENA KONSEKUTTIVA F’GĦAWDEX
Għar-raba’ sena konsekuttiva, il-bitħa f’nofs il-bini tal-Ministeru għal Għawdex offriet arja ta’ festa sajfija lill-għadd imdaqqas ta’ Għawdxin, Maltin u turisti permezz tal-kunċert The New Frontiers - Opera vs Pop Under the Stars.
Għal darb’oħra din l-attività ġiet organizzata minn The Gozo Youth Orchestra taħt id-direzzjoni mużikali tal-fundatur Mro. Joseph Grech b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ambaxxata Amerikana.
Mistiedna speċjali matul din is-serata kienu s-Sopran Pamela Agius residenti New York, il-baxx Għawdxi Noel Galea u l-kantant tal-mużika pop Ludwig Galea. Dawn ingħaqdu mal-50 mużiċist żagħżugħ Għawdxi fi ħdan il-Gozo Youth Wind Band and Orchestra u flimkien ippreżentaw programm mużikali varjat li laqgħat il-gosti tal-udjenza numeruża li attendiet għalih.
Fl-ewwel parti tal-programm il-Gozo Youth Orchestra offriet lil dawk preżenti tiżwieqa ta’ arji klassiċi minn diversi opri. It-tieni parti kienet dedikata għal mużika minn soundracks u siltiet minn musicals.
Fost il-mistednin distinti li attendew għal din is-serata kien hemm l-Onor Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex kif ukoll Mr Richard M. Mills, Chargé d’Affaires fl-Ambaxxata Amerikana għal Malta.
L-edizzjoni tal-Opera vs Pop Under the Stars ta’ din is-sena kkonfermat is-suċċess li kiseb dan l-avveniment annwali li issa sar wieħed stabbilit fil-kalendarju kulturali annwali tal-gżira Għawdxija, li hu mistenni minn bosta dilettanti tal-mużika, kemm dawk residenti Għawdex kif ukoll numru ta’ Maltin li jattendu għalih ta’ kull sena.
Other Press Releases:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006