INVESTIMENT FIL-PRESERVAZZJONI TAL-WIRT STORIKU TA’ PAJJIŻNA
Il-wirt storiku huwa riżorsa ewlenija li għandu pajjiżna għat-tisħiħ soċjali, kulturali u ambjentali. Bħalissa fil-Forti Sant Anġlu qed isir xogħol immirat lejn l-preservazzjoni ta’ aspetti oriġinali ta’ dan is-sit storiku. Ix-xogħlijiet li qed isiru minn Heritage Malta jinkludu t-twaqqigħ tas-‘swimming pool’, kamra għall-ħażna tal-ilma u xogħol fil-parti ta’ fuq tad-daħla principali. Dan ix-xogħol inbeda f’Mejju li għadda u mistenni jammonta għal €91,700. Fi żmien qasir għandhom jinħarġu tenders oħra għal xogħlijiet ta’ tiswija tar-rampa kif ukoll il-bini mill-ġdid tal-volta wara l-entratura principali, li kienet iġġarrfet fil-gwerra.
Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, Mario de Marco u s-Segretarju Parlamentari għan-Neġozji ż-Żgħar u l-Artijiet, .Jason Azzopardi dalgħodu żaru ix-xogħlijiet li qed isiru fil-Forti Sant Anġlu, fil-Birgu.
Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco qal li x-xogħlijiet fil-Forti Sant’Anġlu huma neċessarji biex ikun imħares s-sit storiku u biex issir r-riċerka meħtieġa ħalli jkunu mħarsa l-aspetti oriġinali tal-forti. Hu qal li pajjiżna qed iwettaq investiment fil-wirt storiku fost l-oħrajn b’investiment li sar fit-tined protettivi u ċ-Ċentru tal-Viżitaturi f’Ħaġar Qim u l-Imnajdra kif ukoll l-investiment li qed isir fir-restawr tas-swar. Mario de Marco qal li l-investiment fil-wirt storiku jsaħħaħ il-prodott turistiku u jgħin biex pajjiżna jattirà turisti matul is-sena kollha. Hu qal li pajjiżna diġà qed jegħleb l-isfidi marbuta mal-istaġġjonalità tant li f’Ottubru 2010, l-ammont ta’ turisti li żaru Malta kien fl-istess livell ta’ Lulju 2008.
Is-Segretarju Parlamentari Jason Azzopardi qal li l-ħidma li qed issir fil-Forti Sant’Anglu bħalissa tixhed l-impenn tal-Gvern li jħares il-wirt storiku ta’ pajjizna u li jinvesti fiż-żona tal-Kottonera. L-interventi ta’ restawr li qed isiru f’dan il-Forti jixhdu l-interess tal-Gvern f’din iż-żona importanti ta’ pajjizna. Jason Azzopardi qal li l-Forti Sant’Anglu huwa djamant li jeħtieġ jitnaddaf u jiġi llustrat, biex jerġa’ jleqq. Dan l-interess għalhekk jingħaqad ma’ kullana ta’ attivita li qed issir fil-Kottonera, bl-għan li tiġi rriġenerata din iż-żona tal-pajjiż. Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li d-Dipartiment tal-Artijiet kien mexxa xogħol legali importanti li ppermetta li dan ix-xogħol seta’ jibda. Dan jingħaqad ma’ xogħol simili li l-istess Dipartiment tal-Artijiet wettaq fix-Xatt tal-Birgu biex qed tigi żviluppata lukanda ta’ ħames stillel, mill-privat. Din il-ħidma tissarraf f’postijiet tax-xogħol, u impjiegi għall-ġid tal-Kottonera.
Other Press Releases:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006