TOROQ RESIDENZJALI TA’ KWALITA’ AĦJAR FIL-GŻIRA GĦAWDXIJA
Fix-xhur li għaddew il-Kunsilli Lokali Għawdxin, bejniethom lestew 19-il triq residenzjali, filwaqt li bħalissa għaddej xogħol fuq 19-il triq residenzjali oħra. Dawn mistennija jitlestew f’qasir żmien biex imbagħad ikun jista’ jibda x-xogħol fuq 12-il triq oħra. B’hekk fi spazju ta’ ftit xhur, permezz tal-iskema tal-Public Private Partnership għat-toroq u permezz tal-allokazzjoni finanzjarja annwali riżervata għax-xogħlijiet fit-toroq f’Għawdex se jkunu saru 50 triq.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, Chris Said qal dan meta dalgħodu żar in-Nadur fejn seta’ jsegwi x-xogħlijiet li qed isiru f’numru ta’ toroq residenzjali. Hu kien akkumpanjat mis-Sindku Miriam Portelli u min-numru ta’ kunsillieri fl-istess lokalita’.
F’din il-lokalita’, ix-xogħlijiet jinsabu fi stadju avvanzat tant li diġa’ tlestew ħames toroq: Triq Grunju, Triq Diċembru 13, Triq Dun Bernard Haber, Triq Karlu Borg u Triq il-Mitħna l-Qadima. F’sitt toroq oħra ix-xogħlijiet jinsabu għaddejjin u mistennija jitlestew f’qasir żmien. Triq Xjuf ir-Riħ, Triq Dun Grezz Borg u Triq ta’ Mattiju jinsabu fi stadju avvanzat ħafna. Qed isiru xoghlijiet ukoll fi Triq San Gakbu, Triq Buskett u Triq Sant’ Indrija.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said sostna li l-Gvern qed jagħti importanza lit-toroq residenzjali billi qed joffri l-għodda neċessarja sabiex il-Kunsilli Lokali jwettqu l-ħidma tagħhom. Hu qal ukoll li l-Gvern qed isus wara l-Kunsilli Lokali kollha biex iwettqu x-xogħlijiet skont kif programmat.
Mill-programm ta’ xogħlijiet fit-toroq li kien tfassal is-sena li għaddiet madwar il-pajjiż kollu, sa issa tlestew 165 triq residenzjali, filwaqt li 55 triq qed isiru attwalment u mistennija jitlestew f’qasir żmien. Ix-xogħlijiet f’142 triq oħra se jibda fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin filwaqt li fil-każ ta’ 94 triq, il-proċess jinsab fil-fażi tas-sejħiet għall-offerti.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li qatt daqs dawn l-aħħar xhur ma kienu għaddejjin daqstant xogħlijiet fuq toroq residenzjali fl-istess ħin. Dan minbarra x-xogħlijiet li qed isiru mill-Gvern ċentrali u minn Transport Malta direttament fuq għexieren ta’ toroq residenzjali li qatt ma kienu saru qabel, u fuq numru ieħor ta’ toroq arterjali u distributorji. Hu qal li hu minnu li dan ix-xogħol kollu jġib ftit ta’ inkonvenjent, iżda ladarba jkun lest il-poplu Malti u Għawdxi jgawdi minn infrastruttura tal-ogħla kwalita’.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en