Left arrow Go Back

‘NINVESTI FID-DAR TIEGĦI’- IL-GVERN JOFFRI APPARTAMENTI BI PREZZ SUSSIDJAT

pr1470
Date Icon 02/08/2011

Il-Gvern, permezz tal-Awtorita’ tad-Djar, qed joffri l-possibilta’ li 140 persuna oħra jsiru sidien tal-appartamenti li qed jgħixu fihom illum, permezz ta’ skema “Ninvesti fid-Dar Tiegħi”.  Dan wara li t-titlu ta’ dawn il-postijiet issa għadda definittivament għand l-Awtorita’ tad-Djar.

Dan tħabbar minn l-Onor. Dolores Cristina, Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u l-Onor. Jason Azzopardi, Segretarju Parlamentari għal-Negozji Żgħar u Artijiet waqt laqgħa li saret ma uħud minn dawn l-inkwilini, fil-Ġnien tal-Gardjola, l-Isla.

Il-Ministru Cristina rringrazzjat lis-Segretarju Parlamentari Jason Azzopardi li hu responsabbli mill-proprjeta’ tal-Gvern li mexxa proċess twil biex it-titlu fuq din il-proprjeta’ issa għadda lill-Awtorita’ tad-Djar.

Hi l-politika tal-Gvern li jgħin u jiffaċilita biex aktar nies isiru sidien ta’ darhom.  Fil-fatt aktar tard din is-sena se titħabbar skema oħra “Sir Sid ta’ Darek”, biex aktar nies jakkwistaw id-dar li jgħixu fiha. 

B’kollox 58 appartament fil-Birgu, 64 appartament fl-Isla u 18 oħra f’Bormla li diġa’ hemm in-nies jgħixu fihom, uħud minnhom ilhom jgħixu fihom għal ħafna snin, se jkunu offrut għall-bejgħ lil dawn l-inkwilini bi prezz sussidjat mill-Gvern.

“Aħna nemmnu li meta wieħed jinvesti biex isir sid ta’ daru, dan l-investiment fih innifsu jagħtihom serħan il-moħħ u kwalita’ ta’ ħajja aħjar.  Ma aħna se nisfurzaw lil ħadd biex jixtri l-post u jekk l-inkwlin jagħżel, għal liema raġun tkun, li ma jieħux din l-offerta, se jibqa’ jgħix fil-post bl-istess kundizzjonijiet li għandu l-lum”, sostniet il-Ministru Cristina.

Is-sussidju li se jkun offrut ivarja skont il-mezzi u d-dħul li jkollu sid id-dar.  Il-postijiet se jkunu valutati b’mod kummerċjali u s-sussidju jingħata bħala perċentaġġ ta’ dak il-valur.

Sadattant id-Dipartiment tal-Artijiet qed jaħdem biex aktar minn din il-proprjeta’ tgħaddi għand l-Awtorita’ tad-Djar li min-naħa tagħha terġa’ toffri lil min jgħix fiha il-possibbilta li jinvesti u jixtri d-dar tiegħu.

Din l-iskema wieħed irid iħares lejha fid-dawl ta’diversi skemi u proġetti oħra li qed isiru bħalissa fl-inħawi tal-Kottonera u fil-pajjiż b’mod ġenerali.

Il-Ministru Cristina qalet li bħalissa għaddejja skema ta’ riġenerazzjoni fl-oqsma tal-binjiet tal-Gvern b’investiment ta’ €675,000 kull sena ;

hemm skema ta’ manutnzjoni tal-komun fil-binjiet tal-Gvern b’investiment ta’ €1 miljun kull sena.  F’din is-sena biss hemm 150 binja li se ssir manutenzjoni fihom u li diġa’ għażlu amministratur biex jara x-xogħol jitwettaq’;

għaddej ix-xogħol fuq ir-riġenerazzjoni tal-inħawi tal-Baċir Numru I u titjieb fl-ambjent tal-Verdala u San Nikola biex ir-residenti ta’ dawn il-postijiet ikollhom ambjent aħjar.

Dolores Cristina qalet ukoll illi dan ix-xogħol kollu qed isir biex ikun assigurat titjib fil-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti u l-familji tagħhom.  Meta jkun hemm ambjent aħjar, ikun hemm anqas problemi soċjali u jkun hemm aktar armonija bejn ir-residenti.

L-Awtorita’ tad-Djar bħalissa qed taħdem fuq programm qawwi li se jkun varat fil-ġimgħat li ġejjin.  Hemm numru ta’ skemi ġodda u oħrajn li se jerġgħu joħorġu b’xi tibdiliet.  Dawn kollha huma maħsuba biex jgħollu l-livell tal-għixien tal-poplu Malti u ngħinu lil dawk li l-anqas jifilħu biex ikollhom djar komdi u diċenti.

Is-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet, Jason Azzopardi qal li permezz ta’ din l-attivita tal-lum, qed isir ġid ma’ għadd kbir ta’ familji.  Huwa spjega kif fit-Tieni Gwerra Dinjija, it-tlett ibliet tal-Kottonera batew ħbit qawwi mill-ajru, u għalhekk, ħafna bini kien jeħtieġ li jinbena mill-ġdid.  Dan kien xogħol li daħal għalih il-Gvern ta’ dak iż-żmien. 

Biex seta’ għamel dan, il-Gvern uża strument legali jissejjaħ ‘Possession and Use’ jiġifieri, ħallas kirja fis-sena lis-sidien oriġinali tal-post, biex seta daħal, u bnihom mill-ġdid. Għalkemm il-ħsieb kien li l-Gvern jixtri dawn il-proprjetajiet wara ftit, dan qatt ma seħħ, u l-każi li qed jiġu solvuti illum, imorru lura għas-snin 1947, 1948 u 1951. 

Jason Azzopardi qal li b’riżultat ta’ dan, il-Gvern ma seta’ qatt jagħti titlu ta’ pussess fuq l-appartamenti tal-familji li jgħixu fid-djar il-ġodda li nbnew wara l-gwerra, għax ħadd ma jista’ jagħti minn dak li m’għandux.  B’ħidma legali kkumplikata, iżda ta’ fejda, id-Dipartiment tal-Artijiet fl-aħħar xhur, ikkapitalizza l-kera li kien iħallas għal 364 appartament b’nefqa ta’ €1 miljun, biex issa l-familji li jgħixu fihom jistgħu tassew jixtruhom u jsiru sidien ta’ djarhom. 

Jason Azzopardi qal li dan hu sinjal ta’ Gvern li tassew jifhem l-importanza tal-każi soċjali tagħna, u hu mpenjat li jwettaq il-ġid b’mod konkret.  Huwa qal li wara dawn it-364 appartament hemm familja, raġel tal-familja, mara tal-familja li għandna nżommu fiċ-ċentru tal-politika tagħna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  “L-ugwaljanza u l-kompetittività jimxu id f’id” – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262007

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow