PROGRAMMI EDUKATTIVI GĦALL-ISTUDENTI DWAR L-OPPORTUNITAJIET TA’ XOGĦOL FIL-QASAM TURISTIKU
Bil-għan li tkattar l-għarfien fost studenti tas-sekondarja dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol fil-qasam turistiku, l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu (MTA) torganizza żewġ programmi magħrufa bħala CHOICE u Job Shadowing. Permezz tal-programm CHOICE, 3000 student minn 40 skola pparteċipaw f’laqgħat u żjarat fl-ITS biex ikunu mgħarfa aħjar fuq l-opportuniatjiet edukattivi f’dan is-settur. Permezz tal-Job Shadowing, 200 student, mill-Kulleggi Maria Regina, Santa Tereza, Santa Klara u l-iskejjel tal-Knisja kienu milqugħa f’24 lukanda u organizzazzjoniet oħrajn marbuta mat-turiżmu biex isegwu mill-qrib ix-xogħol li jsir minnhom. Din hija t-tieni sena konsekuttiva li matulha l-MTA organizzat dawn iż-żewġ programmi.
Id-dettalji dwar il-programmi ngħataw waqt ċeremonja ta’ għoti ta’ ċertifikati lill-istudenti parteċipanti. Matul iċ-ċeremonja, is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, Mario de Marco qal li l-Gvern qed jinvesti fi tliet pilastri ewlenin tas-settur li huma l-prodott turistiku, l-promozzjoni effettiva u t-titjib tal-aċċessibilita’. Mario de Marco qal li dan l-investiment huwa meħtieġ biex is-settur jibqa’ kompettitiv. Hu tenna li s-settur jimpjega madwar 18,000 persuna u jiġġenera madwar 10% tal-GDP jew 30% tal-Prodott Gross Domestiku jekk wieħed jinkludi l-produzzjoni indiretta tas-settur turistiku.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-karrieri fil-qasam turistiku jvarjaw minn xogħol fi stabbilmenti turistiċi bħal lukandi u ristoranti għal xogħol ieħor bħal ta’ gwidi, karrieri fin-niche markets, fil-promozzjoni tal-prodott u fir-riċerka, fost oħrajn. Hu qal li l-Gvern u l-MTA jgħarrfu li l-investiment fir-riżorsa umana huwa meħtieġ biex ikun aċċertat li s-settur jibqa’ joffri servizz ta’ kwalita’ u jaddata għall-bidliet li jseħħu. Huwa għalhekk, tenna Mario de Marco, li l-MTA qed tinvesti fi programmi bħal CHOICE u Job Shadowing kif ukoll fil-programm ADVANCE li b’investiment ta’ €3 miljun qed iħarreġ persuni li diġa’ jaħdmu bħala managers jew supervisors fil-qasam turistiku jew li jixtiequ jibdew jaħdmu f’dan is-settur.
Is-Segretarju Parlamantari awgura lill-istudenti kollha li pparteċipaw fil-programmi CHOICE u Job Shadowing u rringrazzja lill-organizzazzjonijiet u entitajiet li kkolaboraw f’dan il-programm. Hu qal li l-koperazzjoni bejn il-Gvern, l-MTA u l-istakeholders qed twassal għal riżultati pożittivi fis-settur turistiku u ħeġġeġ li dan jibqa’ jseħħ anke fil-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ.
Other Press Releases:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en