AKTAR RIŻULTATI U ESPERJENZI GĦALL-ISTUDENTI ŻGĦAŻAGĦ TAL-ITS F’GĦAWDEX
Studenti li matul l-aħħar sena kienu qed jattendu korsijiet fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) fil-Qala, Għawdex, ġew ippreżentati bi premjijiet li ġew mogħtija minn individwi esperti fil-qasam tal-preparazzjoni tal-ikel u l-mod kif jiġi servut l-ikel u l-inbid. Wara li s-sena l-oħra tnieda għall-ewwel darba l-premju għall-aħjar tim ta’ chefs u l-aħjar tim ta’ wejters, din is-sena ngħataw ukoll żewġ premjijiet oħra lil dak l-istudent li ġie kkunsidrat bħala l-aħjar fil-mod kif iservi l-inbid kif ukoll lill-istudent li l-aktar ipprometta fl-istudji tiegħu matul l-aħħar sena.
Dawn il-premjijiet ġew ippreżentati mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, waqt attività li fiha pparteċipaw l-istudenti kollha li matul dawn l-aħħar sentejn kienu qed jattendu korsijiet fuq bażi full-time ġewwa dan l-Istitut f’Għawdex. Il-Ministru fissret kif l-investiment li sar fil-bini mill-ġdid ta’ dan l-istitut beda jagħti l-frott li minnu qed igawdu kemm iż-żgħażagħ Għawdxin kif ukoll is-settur turistiku Għawdxi. Dan għaliex filwaqt li kompla jżid il-faċilitajiet li permezz tagħhom studenti żgħażagħ Għawdxin jistgħu jibqgħu jitħarrġu f’Għawdex stess biex ikomplu jtejbu l-kompetenzi tagħhom fil-qasam tax-xogħol, dan l-istitut qed jipprovdi ħaddiema mħarrġa aħjar biex jaħdmu fis-settur turistiku li għandu importanza ekonomika qawwija għal Għawdex.
Matul l-aħħar sena madwar tletin student kienu qed jattendu korsijiet full-time fejn tħarrġu fil-preparazzjoni tal-ikel u l-arti kulinarja u fil-mod ta’ kif jiġi servut l-inbid u xorb ieħor. Saru wkoll korsijiet oħra fuq bażi part-time li għalihom attendew madwar sebgħin parteċipant li ħafna minnhom huma diġà impjegati fis-settur. Dawn il-korsijiet kienu jittrattaw ukoll il-preparazzjoni ta’ ikel bl-għaġina permezz ta’ korsijiet f’żewġ livelli differenti, Food Handlers Licence B u l-Wine Spirits Educational Trust Intermediate course (WSET).
Matul is-sena l-istudenti żgħażagħ ipparteċipaw f’diversi avvenimenti li permezz tagħhom setgħu jpoġġu fil-prattika dak li kienu qed jitgħallmu. Huma ħadu sehem f’attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi b’risq Puttinu Cares u l-Istrina filwaqt li ħejjew u servew ikel waqt open day li nżammet meta ġiet inawgurata l-iskola sekondarja ġdida tas-subien u waqt Parents’ Evening li nżamm fl-ITS stess. Din is-sena ġiet organizzata għat-tielet darba konferenza annwali dwar karrieiri fis-settur turistiku.
L-istudenti żgħażagħ Għawdxin ħadu wkoll sehem f’attivitajiet li rriżultaw f’esperjenzi validi fil-qasam tal-istudji turistiċi. Dan permezz ta’ skambju li sar mal-Ottenschlag Schloss fl-Austria fejn 10 studenti Għawdxin qattgħu xi jiem li matulhom tħarrġu flimkien mal-istudenti f’dan l-istitut. Kellhom ukoll opportunità li jiġu ntrodotti mas-suġġett ta’ agri-turiżmu li huwa wkoll materja li tiġi ttrattata f’dan l-Istitut. Fl-istess waqt erbatax-il student Awstrijak żaru l-ITS fil-Qala fejn fost attivitajiet oħra pparteċipaw f’sessjoni ta’ taħriġ li ngħatat minn tlett koki magħrufa taljani li kienu Għawdex għall-Grand tour of Taste. Bosta ġurnalisti Taljani kienu Għawdex biex jipparteċipaw f’dan l-avveniment li matulu ġie promoss l-ikel tipiku Għawdxi. Żewġ studenti flimkien ma’ għalliema mill-ITS ġew mistiedna biex fl-aħħar ta’ dan ix-xahar jipparteċipaw f’attività li tikkonkludi l-avveniment permezz ta’ Serata di Gola li ssir ġewwa l-Arena del Sole tat-Teatro Stabile ta’ Bologna.
Aktar kmieni din is-sena grupp ta’ erba’ studenti oħra ħa sehem f’La Rassegna dei Cuochi ġewwa r-reġjun tal-Abruzzo fl-Italja fejn ukoll ingħatat importanza lill-ikel tipiku tar-reġjun.
Other Press Releases:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en