IT-TNIDIJA TAL-KTIEB ‘IL-KWIEKEB FID-DLAM JIXEGĦLU – VJAĠĠI TA’ TAMA MTERRQA MINN QRABA TA’ PERSUNI B’MARD MENTALI’.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, Mario Galea feraħ lill-Assoċjazzjoni għas-Saħħa Mentali u lil St Jeanne Antide Foundation għat-tnidija tal-Ktieb ‘Il-Kwiekeb fid-Dlam Jixegħlu – vjaġġi ta’ tama mterrqa minn qraba ta’ persuni b’mard mentali’.
Il-Ktieb huwa għodda imprezzabbli għall-qraba ta’ persuni li għaddejjin minn problemi ta’ saħħa mentali. Fih stejjer ta’ persuni mġarrba li kienu jieħdu ħsieb qraba bi problemi ta’ saħħa mentali. Illum hu l-jum li nisktu aħna biex nisimgħu lil min ġarrab tenna s-Segretarju Parlamentari. Dawn il-qraba mġarrba ddeċidew li jgħinu qraba bħalhom billi jaqsmu l-esperjenza tagħhom mal-pubbliku Malti, fejn għad hawn biża’ u ħemda dwar il-mard mentali.
Dan il-ktieb iwassal messaġġ qawwi lill-professjonisti. Il-professjonisti jridu aktar minn qatt qabel jaħdmu mal-pazjent u l-qraba tiegħu. Mhux naħdmu għalihom, imma naħdmu flimkien magħhom stqarr Mario Galea.
Mard mentali komuni bħad-dipressjoni u l-ansjetà qiegħed kulma jmur jiżdied. Dan il-mard qiegħed jiżdied fis-soċjetà moderna tal-lum minħabba stress. Din l-epidemija ta’ dipressjoni fis-soċjetà moderna se tieħu pass aktar mgħaġġel milli kien previst minħabba l-kriżi finanzjarja li d-dinja għaddejja minnha. Fil-fatt, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed tbassar li fi ftit snin oħra, il-mard mentali saħansitra se jisboq il-kanċer u d-dijabete. Għalkemm m’għandniex evidenza xjentifika dwar il-kriżi finanzjarja u ż-żieda fil-mard mentali, diġà qegħdin naraw li n-numru ta’ suwiċidji, l-aktar fl-irġiel bejn il-25 u l-45 sena, qed jiżdied fl-Ewropa. Fl-Irlanda biss, iż-żieda tas-suwiċidju f’sena kienet ta’ 25 fil-mija.
Dan il-ktieb, idealment, għandu jsib ruħu f’kull dar u skola għax hemm bżonn aktar u aktar għarfien dwar il-mard mentali. Il-mard mentali jidħol bħal ħalliel fis-satra tal-lejl, u la jħares lejn età, klassi soċjali jew livell ta’ edukazzjoni. Hija sfortuna li fis-soċjetà tagħna għad hawn ħemda li ttarrax fejn tidħol is-saħħa mentali.
Other Press Releases:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en