RIŻULTATI POŻITTIVI GĦAS-SETTUR TURISTIKU
F’Marzu ta’ din is-sena, żaru pajjiżna total ta’ 99,668 turist. Jekk wieħed inaqqas il-passiġġieri li ġew Malta minħabba l-kriżi tal-Libja, isib li fit-tielet xahar tas-sena kien hawn 89,232 turist li ġew għal btala. Dan ifisser żieda ta’ 16.9% fuq l-istess xahar is-sena li għaddiet. Dan joħroġ minn ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).
L-istatistika turi wkoll li f’Marzu ta’ din is-sena, it-turisti nefqu €67 miljun li tfisser żieda ta’ €9.8 miljun fuq Marzu 2010 filwaqt li l-iljieli li t-turisti qattgħu Malta ammontaw għal 756,223 li tfisser żieda ta’ 134,895 fuq l-iljieli f’Marzu tas-sena l-oħra. B’kollox fl-ewwel tlett xhur tas-sena ġew f’pajjiżna 230,008 turist li fissru żieda ta’ 43,839 turist fuq l-ewwel tlett xhur tas-sena 2010. Dawn nefqu €159.5 miljun liema nefqa żdiedet bi 17% u qattgħu 1,780,852 lejl li jfisser żieda ta’ 21% fuq n-numru ta’ ljieli fl-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Għalhekk fl-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena pajjiżna kellu riżultati pożittivi fit-tlett indikaturi ewlenin tas-settur li huma l-ammont ta’ turisti, in-nefqa u l-iljieli li qattgħu f’pajjiżna.
Dawn ir-riżultati ma ġewx b’kumbinazzjoni imma huma frott il-ħidma tal-Gvern li qed jinvesti fi promozzjoni effettiva, fit-titjib tal-aċċessibilita’ u fil-prodott turistiku. Filwaqt li żied l-vot tal-MTA għal €35 miljun, il-Gvern qed jinvesti f’diversi proġetti kapitali u infrastrutturali li jsaħħu l-prodott turistiku. Dawn jinkludu l-investiment fit-toroq, il-proġett ta’ Bieb il-Belt u r-restawr ta’ sitt kilometri ta’ swar.
Il-Gvern qed jinvesti wkoll f’diversi skemi li jiffukaw fuq it-titjib tal-prodott, l-innovazzjoni u t-titjib tas-servizz. Dawn jinkludu skema ta’ €10 miljun ewro fi proġetti ta’ turiżmu sostenibbli u skema ta’ €3 miljun ewro fit-taħriġ ta’ persuni li diġà jaħdmu fil-qasam turistiku. Dan ix-xahar tħabbret ukoll skema li tħeġġeġ l-investiment fil-prodott turistiku permezz ta’soft loans għall-istabbilimenti li joffru akkomodazzjoni jew catering. Permezz ta’ din l-iskema jista’ jiġi approvat self sa €400,000 li jkopri 80% tal-ispejjez eligibbli fuq 5 snin. Dawn l-iskemi jaċċertaw li pajjiżna jibqa’ jinvesti fit-titjib tal-prodott u b’hekk jibqa’ kompettitiv. Ir-riżultati li qed ikollna fil-qasam turistiku huma wkoll ir-riżultat ta’ koperazzjoni effettiva bejn il-Gvern, l-MTA u l-istakeholders li lkoll qed jaħdmu flimkien biex isaħħu s-settur turistiku.
Iċ-ċifri tal-NSO għal Marzu juru wkoll li matul dan ix-xahar partikolari kien hemm żieda fis-swieq ewlenin bħar-Renju Unit u l-Italja iżda kien hemm ukoll żieda sostanzjali ta’ 15,094 turist mis-swieq barra mill-Unjoni Ewropea.
Stqarrijiet Oħra:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en