-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, JATTENDI L-ASSEMBLEA ĠENERALI DINJIJA TAS-SAĦĦA
Il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità qed imexxi delegazzjoni li qed tattendi għall-64 sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa li fetħet illum f’Ġinevra (l-Iżvizzera). Fl-ewwel jum tal-Assemblea, id-Direttur Ġenerali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, Dr Margaret Chan, għamlet id-diskors tal-ftuħ li ta’ ħarsa ġenerali lejn il-qagħda tas-saħħa fuq livell globali.
Fost affarijiet oħra d-Direttur Ġenerali rreferiet għall-avvanz li sar fil-kontroll u t-trattament ta’ mard infettiv bħall-Malarja, il-Meninġite u l-HIV/AIDS kif ukoll fuq il-kontroll tal-Poljo fl-erba pajjiżi li fihom għada tinsab din il-marda. Dan ma kienx biss minħabba trattamenti aħjar iżda fuq kollox minħabba għoti aktar intensiv tat-tilqim neċessarju. Hija saħqet ukoll fuq il-ħtieġa li jiġi assigurat aċċess għas-servizzi tas-saħħa minn kulħadd speċjalment minn dawk li l-aktar għandhom bżonn.
Dr Chan irreferiet għar-rapport tal-inkjesta li saret dwar l-għaġir tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa fil-pandemija li ħakmitna sentejn ilu. B’sodisfazzjon irrapurtat li l-inkjesta sabet li l-Għaqda imxiet kif suppost meta iddikjarat pandemija u ma sabet l-ebda evidenza li kien hemm xi kollaborazzjoni ma’ produtturi fl-industrija farmaċewtika fil-pariri mogħtija. Hija stqarret li diġà qed tieħu l-passi biex taddotta r-rakkomandazzjoni li saru fir-rapport.
Wara hija għamlet referenza għall-effett li qed ikollhom fuq is-saħħa l-kriżi ekonomika, it-tibdil fil-klima, kif ukoll il-kunflitti u l-gwerer. Hija kkundannat b’mod l-aktar iebes attakki li jsiru fuq ħaddiema fis-settur tas-saħħa u fuq nies ċivili speċjalment fuq in-nisa u t-tfal f’ċirkostanzi ta’ kunflitti.
Hija rreferiet ukoll għall-impatt li mard kroniku li ma jittieħedx ikollu fuq is-saħħa u l-ekonomija madwar id-dinja kollha u l-ħtieġa t’azzjoni agressiva biex dan il-mard jiġi ikkontrollat. L-importanza ta’ dan il-mard ġiet diskussa f’Moska ix-xahar l-ieħor u se tiġi diskussa fl-ogħla livelli fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’Settembru.
Fl-aħħarnett hija tat ħarsa lejn ir-riformi fl-organizzazzjoni tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa biex din tkun tista’ tilqa u tiġġieled dawn l-isfidi b’mod aktar komprensiv u effiċjenti. Hija appellat lill-pajjiżi biex jappoġjaw il-proposti li ser jiġu ppreżentati u diskussi waqt l-Assemblea.
L-Assemblea mistennija tagħlaq fl-24 ta’Mejju.
Stqarrijiet Oħra:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en