PROĠETT EWROPEW B’GĦAJNUNA KONKRETA LIL 14-IL IMPRENDITUR ĠDID
Is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, u l-Bank of Valletta qed jikkollaboraw mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) fit-twettiq tal-proġett Philoxenia – proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea – u li permezz tiegħu qed tingħata għajnuna finanzjarja lil 14-il start-up.
L-għajnuna qed tingħata biex dawn il-micro-enterprises jibdew joperaw u biex l-imprendituri jakkwistaw il-ħiliet meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jħaddmu n-negozju tagħhom bl-aħjar mod. Qed tingħata wkoll informazzjoni u assistenza biex l-imprendituri jagħrfu jagħmlu l-aqwa użu minn opportunitajiet ta’ fondi Ewropej u lokali.
L-iffirmar tal-ftehim li permezz tiegħu qed tingħata l-għajnuna finanzjarja, mal-imprendituri individwali, sar illum fil-kwartieri tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali f’Ħal Balzan waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari Chris Said, mill-President tal-AKL Michael Cohen, u mis-Segretarju Eżekuttiv tal-AKL Jimmy Magro.
Il-micro-enterprises ġodda li qed jirċievu l-għajnuna permezz ta’ dan il-proġett joperaw f’oqsma varji – minn snajja’ tradizzjonali għal accountancy, minn agri-turiżmu għall-catering, u minn żvilupp ta’ software sa ħwienet u anki operatur li jaħdem fil-qasam tar-riċiklaġġ.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li x-xogħol huwa priorità ewlenija fil-ħidma tal-Gvern. L-intrapriżi joħolqu l-postijiet tax-xogħol, anki meta jkunu żgħar. Hu għalhekk li l-Gvern ħoloq qafas ta’ skemi u inċentivi biex jgħinu n-negozji ż-żgħar, u fl-istess ħin jappoġġja kull inizjattiva li tgħin l-imprenditorija u tinkoraġġixxi n-negozji anki fuq livell lokali.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-Kunsilli Lokali għandhom l-obbligu li jgħinu lis-settur kummerċjali fil-lokalitajiet rispettivi għax b’hekk ikunu qed jgħinu lill-komunità li jirrappreżentaw. Kien għalhekk li fit-tiġdid tal-Kunsilli Lokali, dawn ingħataw ir-responsabbiltà li jaħdmu biex isaħħu s-sens imprenditorjali fil-komunità, li jaħdmu id f’id mal-komunità kummerċjali, li jiffaċiltaw il-ħidma tan-negozji u li jaħdmu biex itejbu ċ-ċentri tal-lokalitajiet fejn aktarx ikunu miġbura n-negozji ewlenin.
Hu semma kif il-Kunsilli Lokali qed igawdu minn finanzjament Ewropew taħt diversi programmi tal-Unjoni Ewropea. Fost l-oħrajn, tul is-sentejn u nofs li għaddew, il-MEUSAC għen lill-Kunsilli Lokali biex jiksbu €7.5 miljun f’fondi mill-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ dawn il-fondi qed jitwettqu 55 proġett differenti. Fil-ġimgħat li għaddew €4.5 miljun tpoġġew għad-dispożizzjoni tat-tliet Fondazzjonijiet GAL biex iwettqu inizjattivi u proġetti f’zoni rurali. Il-MEUSAC għen b’suċċess 14-il Kunsill Lokali ieħor jakkwistaw €5.4 miljun ewro f’fondi mill-Pjan ta’ Żvilupp Rurali taħt il-Miżuri 313 u 323 tal-Unjoni Ewropea. Il-proġetti li se jsiru, primarjament jinvolvu t-tisbiħ taz-zoni rurali tal-lokalitajiet. Ħames Kunsilli Lokali oħra kisbu madwar €2 miljun ewro biex isebbħu ċ-ċentri urbani.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li dawn l-inizjattivi kollha b’fondi Ewropej b’ko-finanzjament mill-Gvern Malti, u bl-għajnuna teknika tal-MEUSAC qed jgħinu biex jinħolqu aktar impjiegi.
Il-proġett Philoxenia qed isir b’fondi Ewropej taħt il-programm Med 2007-2013, ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF). Qed jirċievi wkoll għajnuna mill-Fond ta’ Ko-Finanzjament tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, u mill-Bank of Valletta Philoxenia Advisory and Finance Package
Stqarrijiet Oħra:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en