MESSAĠĠ TAS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ WAQT IS-SEMINAR ‘IX-XOGĦOL SALMURA TAL-ĠISEM? L-IRWOL TAX-XOGĦOL FIL-KURA TAS-SAĦĦA MENTALI’.
“Ix-xogħol jagħtik id-dinjità, jagħtik skop u tħossok parti mis-soċjetà”, hekk stqarr is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità waqt il-ftuħ tas-Seminar ‘Ix-xogħol salmura tal-ġisem? L-irwol tax-xogħol fil-kura tas-saħħa mentali’. Bniedem bla xogħol jitlef l-indipendenza tiegħu.
Fil-qasam tas-saħħa mentali, ix-xogħol huwa meqjus bħala terapija li tgħin biex il-persuna terġa’ tikseb ħiliet varji sabiex taffronta l-ħajja b’mod aktar effettiv. Ir-riċerka turi li l-qgħad huwa relatat ma’ nuqqas ta’ saħħa, kemm fiżika, kif ukoll mentali. Għalhekk, hemm bżonn li persuni bi problemi ta’ saħħa mentali jkunu megħjuna jsibu xogħol adattat għalihom tenna Mario Galea.
Is-Segretarju Parlamentari enfasizza li ħafna mill-mard mentali jitfejjaq kompletament b’kura xierqa, waqt li mard serju u kroniku, li hu aktar rari, jiġi kkontrollat b’kura effettiva u l-individwu jkun jista’ jgħix b’mod san u integrali fis-soċjetà. Mario Galea qal li rridu nżommu tama ħajja fil-klijenti bil-problemi ta’ saħħa mentali. Ħafna min-nies b’mard mentali għandhom intelliġenza u kapaċitajiet ogħla mill-medja soċjali. L-istorja tad-dinja hija mimlija b’nies ġenji jew ta’ statura kbira li kienu jbatu minn mard mentali. Insemmu biss tliet persuni lkoll magħrufa – Einstein, Churchill u Roosevelt. Immaġinaw kieku dawn ma ingħatawx ċans jagħmlu d-differenza f’pajjiżhom u fid-dinja.
Id-Dipartiment tal-Occupational Therapy ġewwa l-Isptar Monte Karmeli jemmen bis-sħiħ fl-importanza tax-xogħol, tant li huwa dan id-Dipartiment li jgħin persuni bi problemi ta’ saħħa mentali jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol permezz ta’ taħriġ, u jagħtihom l-opportunità biex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet neċessarji għax-xogħol. “Bil-paċenzja, dedikazzjoni u l-għajnuna tal-professjoni tagħkom qed tagħmlu differenza fil-ħajja ta’ tant klijenti u qed tagħtuhom lura sens ta’ identità”, ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Mario Galea.
Other Press Releases:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en