IL-MUDELL KOPERATTIV JOFFRI OPPORTUNITAJIET U VANTAĠĠI FAVUR EKONOMIJA SOĊJALI
“Il-mudell koperattiv jaqdi funzjoni flessibbli, u jippresta ruħu tajjeb għal oqsma ta’ xogħol mill-iżjed partikolari, u ta’ valur miżjud għoli. Jeħtieġ li f’pajjiżna nitgħallmu iżjed fuq il-vantaġġi infiniti li joffri dan il-mudell ta’ tmexxija, biex tassew ninkoraġġixxu Ekonomija Soċjali, Ekonomija Ċivili.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi llum waqt żjara għand il-koperattiva li taħdem fil-qasam tar-restawr tal-opri tal-Arti, Re-Coop ġewwa l-qasam industrijali tal-Imrieħel.
Jason Azzopardi iddawwar mal-laboratorju tal-koperattiva li tagħmel restawr ta’ pitturi, skulturi, kartapesta, xogħol fl-injam, irħam, bronż, kif ukoll twettaq xogħol in situ fuq arkitettura. Waqt iż-żjara huwa saħaq kif il-mudell tal-koperattiva jagħti opportunità lill-membri li jkunu wkoll proprjetarji tal-koperattiva nnifisha u għalhekk dan jikkontribwixxi għal sens ta’ sodisfazzjon ikbar.
Is-Segretarju Parlamentari nnota kif fl-Unjoni Ewropea, il-koperattivi kienu fost l-inqas li ħassew id-daqqa tal-kriżi finanzjarja u dan għax l-impenn li jeżisti fil-mudell koperattiv, jippermetti flessibbilità u dedikazzjoni ikbar.
Jason Azzopardi nnota kif Re-Coop hija eżempju eċċellenti ta’ kemm il-mudell koperattiv jista’ jkun ideali għal oqsma differenti ta’ xogħol. Il-koperattiva li ilha stabbilita 8 snin, tilqa’ fiha 5 membri, u tħaddem magħha 25 persuna full-time. Bħalissa din il-koperattiva qed taħdem 7 tenders pubbliċi ta’ restawr fuq is-swar fil-Belt, il-Birgu u l-Imdina. Din il-koperattiva bħalissa għaddejja bir-restawr tal-Cappella Ardente tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, u bosta siti prestiġjużi oħrajn. Re-Coop għalhekk hija eżempju ċar ta’ kemm koperattiva tista taħdem b’mod eżemplari f’oqsma ta’ valur miżjud għoli.
Re-Coop gawdiet minn bosta skemi u inċentivi li l-Gvern jipprovdi biex iħajjar it-tkabbir ekonomiku. Il-membri tal-koperattiva Re-Coop huma fil-maġġoranza tagħhom gradwati miċ-Ċentru tar-Restawr ta’ Bighi, fil-waqt li l-koperattiva innifisha hija l-prodott tal-Kordin Business Incubation Centre (KBIC). Din il-koperattiva llum qed taħdem fuq bosta proġetti ta’ restawr li l-Gvern qed jagħmel grazzi għall-fondi ERDF tal-Unjoni Ewropea, fil-waqt li gawdiet ukoll mill-iskemi Employment Aid Programme, u Training Aid Framework tal-ETC.
Jason Azzopardi tenna li din hija koperattiva eżemplari, li tipprattika l-valuri ta’ ekonomija soċjali u ċivili. Huwa qal li jeħtieġ ikollna iżjed li jagħżlu din it-triq.
Stqarrijiet Oħra:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en