Left arrow Mur Lura

TNEDIJA TA’ KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR IL-QAFAS TAL-KURRIKULU NAZZJONALI - ĦIDMA BIEX KULĦADD JIKSEB IL-ĦILIET LI JGĦINUH TUL IL-ĦAJJA

pr0961
Date Icon 17/05/2011

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja Dolores Cristina dalgħodu nidiet proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-Qafas ta’ Kurrikulu Nazzjonali li għandu jwassal biex kulħadd jikseb il-ħiliet li jgħinuh tul ħajtu, jassigura żvilupp ekonomiku sostenibbli u jsaħħaħ il-pedamenti ta’ soċjetà bbażata fuq l-għerf u l-ġustizzja soċjali.

F’ċerimonja li saret fl-iskola Primarja tal-Mellieħa u li għaliha attendew esperti li fasslu l-kurrikulu nazzjonali u l-politika dwar ix-xjenza, l-Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Stephen Spiteri, il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni Evarist Bartolo, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja, James Calleja, Diretturi Ġenerali tal-Edukazzjoni, Diretturi, Prinċipali u amministraturi u kapijiet tal-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti, uffiċjali mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni, rappreżentanti tal-imsieħba soċjali, saret it-tnedija ta’ dan id-dokument importanti li hu maqsum f’erba’ taqsimiet.

Il-Prof Grace Grima, Direttur Ġenerali għall-Kwalita` u Standards fl-Edukazzjoni li mexxiet il-grupp ta’ esperti li fasslu d-dokument għamlet preżentazzjoni li fiha spjegat kif hu mqassam il-kurrikulu nazzjonali li tfassal wara konsultazzjoni flimkien mal-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti.

Studenti mill-iskola primarja tal-Mellieħa, mic-Chiswick House School, mill-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl u minn St. Martin’s College megħjuna minn għalliema tad-Drama Unit tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni u l-Big Band Brothers, għamlu rappreżentazzjoni teatrali b’messaġġ dwar x’jistennew l-istudenti mill-Kurrikulu Nazzjonali.

F’diskors li għamlet il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina qalet li l-mira tal-Gvern hi li t-tfal kollha qabel itemmu l-edukazzjoni obbligatorja jkunu kisbu l-ħiliet u l-kwalifiċi meħtieġa fi skejjel li joffru ambjent attraenti għat-tagħlim. Grazzi għall-investiment qawwi fit-teknoloġija tal-informatika u fis-servizz għall-istudenti li qed ikunu introdotti fil-kulleġġi kollha, kif ukoll għall-investiment qawwi fir-riżorsa umana ta’ għalliema u professjonisti oħra, din ir-reviżjoni tal-Qafas Kurrikulari għandha tibdel l-istrutturi eżistenti f’opportunitajiet għal żvilupp personali u soċjali, tnaqqas in-numru ta’ dawk li jitilqu mill-edukazzjoni kmieni, iżżomm aktar nies fl-edukazzjoni formali għall-itwal żmien possibbli, u tagħti kreditu lit-tagħlim informali u mhux formali. 

Il-Ministru kompliet li fi żmien meta Malta ħierġa minn kriżi ekonomika li laqtet l-Ewropa u d-dinja kollha u fil-kuntest tal-bidliet demografiċi u l-koeżjoni soċjali, il-qafas tal-Kurrikulu u l-Viżjoni għall-Edukazzjoni fix-Xjenza għandhom jassiguraw li l-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri jiksbu l-ħiliet li jgħinuhom tul il-ħajja, jassiguraw l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u jsaħħu l-pedamenti ta’ soċjetà bbażata fuq l-għerf u l-ġustizzja soċjali.

L-Att tal-Edukazzjoni tal-1988, daħħal għall-ewwel darba l-kunċett li l-pajjiż għandu jkollu Kurrikulu Minimu Nazzjonali li jiggarantixxi lit-tfal kollha livell bażiku ta’ tagħlim.

L-ewwel reviżjoni ta’ dak l-ewwel kurrikulu kienet saret fl-1995 bil-pubblikazzjoni ta’ Tomorrow’s Schools: Developing Effective Learning Cultures. Dan il-proċess tkompla bil-pubblikazzjoni fl-1998 tal-abbozz tal-kurrikulu nazzjonali u aktar tard bil-formulazzjoni tad-dokument finali Creating the Future Together, fl-1999, wara proċess ta’ konsultazzjoni mifrux mal-pajjiż kollu.

Id-dokument ta’ politika For All Children To Succeed tal-2005 fassal il-qafas inizjali għat-twaqqif tad-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni (DQSE) u d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi (DES), u għal mudelli differenti ta’ kulleġġi f’Malta u Għawdex.

Il-Qafas ta’ Kurrikulu Nazzjonali li tniedi l-lum għall-konsultazzjoni pubblika, hu maħsub biex ikompli jiżviluppa l-proċess tat-tagħlim f’pajjiżna. Fit-tfassil tiegħu kienu kunsidrati tliet elementi importanti ġodda.
1. Li dan hu l-ewwel kurrikulu li qed jitfassal wara li Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea u din is-sħubija għandha impatt importanti anke fuq is-sistema edukattiv;
2. Li għall-ewwel darba qed indaħħlu f’dan il-qafas l-edukazzjoni bikrija, jiġifieri mil-livell taċ-Child Care Centres u l-Kindergarten u nkomplu bil-Primarja u s-Sekondarja.
3. It-tfassil ta’ dan id-dokumenti sar flimkien bejn l-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti.  Dan hu dokument tal-pajjiż kollu u mhux tal-iskejjel tal-Gvern biss.

Barra minn dan u kumplimentari għall-kurrikulu, il-Ministru qalet li qed tkun varata wkoll Strateġija għat-Tagħlim tax-Xjenza.  Iċ-ċifri juru li sal-lum, ftit huma dawk l-istudenti li jagħżlu li jibqgħu jistudjaw fl-oqsma tax-xjenza.  Il-pajjiż għandu bżonn aktar xjenzjati u rridu nibdew minn kmieni nuru lill-istudenti li l-istudju tax-xjenza, jista’ wkoll joffri esperjenza pjaċevoli u pożittiva u possibiltajiet kbar ta’ karrieri fil-futur.

L-abbozz tal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali u l-Viżjoni għall-Edukazzjoni fix-Xjenza huma dokumenti kumplessi iżda meħtieġa. Dawn id-dokumenti qed iħarsu lejn l-għaliex u l-kif tal-edukazzjoni f’pajjiżna. Illum qed neżaminaw il-ġewwieni tal-proċess tal-edukazzjoni. Biex inwieġbu għall-isfidi edukattivi, soċjali, kulturali, ekonomiċi u etiċi li l-għalliema u l-iskejjel tagħna qed iħabbtu wiċċhom magħhom kuljum, irridu nirreżistu ‘soluzzjonijiet’ sempliċistiċi li ma jkunux tassew inklużivi, li ma jqisux it-tagħlim effettiv ta’ kulħadd, hi x’inhi kapaċità, il-bżonn jew l-isfond soċjali jew kulturali tiegħu jew tagħha.

Il-Ministru Cristina saħqet li dawn id-dokumenti jridu jwasslu messaġġi ċari u qawwija lill-familji u lill-iskejjel tagħna dwar l-ambizzjonijiet li għandna għal pajjiżna u għal uliedna. Iridu jindikaw b’mod ċar lill-għalliema l-proċessi, ir-riżorsi u l-proċeduri ta’ tagħlim u assessjar li se jwasslu għal qabża oħra fil-kwalità tat-tagħlim u tal-kompetenzi ta’ uliedna. Iridu juru b’mod li jifhmu kulħadd il-bilanċ dinamiku bejn id-deċentralizzazzjoni msejsa fuq ir-rispett lejn il-professjonalità tal-għalliema, u l-kontabilità tal-professjoni biex jitwettqu l-miri li poġġejna għal pajjiżna.

Il-Ministru qalet li spiċċa ż-żmien li kulma jagħmlu t-tfal fl-iskola jkun li jitgħallmu bl-amment. It-tfal ma jridux ikunu pappagalli.  It-tfal iridu jesperimentaw, jippruvaw affarijiet ġodda.  Ma jimpurtax li kultant jiżbaljaw.  Ma jiżbaljax min ma jippruvax.  Lit-tfal irridu nħalluhom jaqgħu kultant għax hekk biss jitgħallmu jqumu.
Irridu nkunu aktar flessibbli fis-suġġetti u fil-metodi tat-tagħlim.  It-tfal iridu jkunu aktar ħielsa u dan il-ħelsien jiksbuh bl-għarfien u bl-għerf li jiksbu.  Uliedna jridu jkunu liberi biex itiru u jimirħu.  Għandhom bżonn sistema li tgħinhom u mhux li xxekkilhom.  Għandhom bżonn ftit imbuttatura u mbagħad jitilqu jtiru bil-ġwienaħ tagħhom stess u mhux ta’ ħaddieħor.

Il-Ministru rringrazzjat lil kulmin ħa sehem fil-produzzjoni u l-preżentazzjoni ta’ din il-ħrafa l-ġdida, li kif rajna tant għandha mir-realtà. Il-messaġġ li riedet twasslilna hu li lit-tfal għandna nħalluhom jikbru, jiskopru u jiżviluppaw il-potenzjal kollu tagħhom. Dan hu li l-Kurrikulu l-ġdid irid jagħti lit-tfal tagħna.

Irringrazzjat ukoll lill-grupp ta’ esperti mmexxija mid-Direttur Ġenerali Grace Grima li ħejjew dawn id-dokumenti li qed inniedu għall-konsultazjoni pubblika li huma l-frott ta’ siegħat twal ta’ qari, riflessjoni, u diskussjoni. Dawn id-dokumenti nkitbu minn stakeholders mill-oqsma diversi tal-edukazzjoni f’pajjiżna.

Fl-aħħar u żgur mhux l-inqas, irringrazzjat lill-kapijiet u l-għalliema tal-iskejjel tal-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti, li tħabtu biex ilaħħmu fil-klassijiet dawn l-ideat u l-kunċetti, u wrew fejn kien hemm bżonn iktar żvilupp fil-ħsieb u fil-prattika.

Il-Ministru temmet tgħid li l-awgurju tagħha hu li dan il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali, ikun tassew intensiv u komprensiv, ikkaraterizzat minn dibattitu vigoruż u san. Dan hu proċess li jrid jurina fejn irridu nieħdu l-edukazzjoni obbligatorja f’pajjiżna u x’deċiżjonijiet iridu jittieħdu biex nassiguraw li t-tfal kollha tagħna jirċievu edukazzjoni ta’ kwalità, kif jixirqilhom, biex jirnexxu huma u jkompli jirnexxi pajjiżna wkoll.

L-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-kurrikulu nazzjonali se ssir nhar is-Sibt 11 ta’ Ġunju fid-9.30 a.m. fl-Istitut Kattoliku.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the importance of dialogue and diplomacy in strengthening international peace and security

PR262005en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...

Aktar Stqarrijiet Right arrow