TNEDIJA TA’ PAKKETT TA’ FULJETTI INFORMATTIVI U AWDJO CD DWAR IL-BENEFIĊĊJI SOĊJALI
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali nieda pakkett ta’ fuljetti informattivi u awdjo CD dwar il-benefiċċji soċjali. Dan sar bħala parti mill-attivitajiet li qed isiru biex jitfakkar il-55 anniversarju mill-Att dwar is-Sigurtà Soċjali f’pajjiżna bl-iskop li jingħata aktar tagħrif lill-pubbliku in ġenerali dwar il-benefiċċji soċjali.
Ix-xogħol fuq dawn il-fuljetti sar mill-Uffiċċju tal-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali bil-kollaborazzjoni tal-kapijiet tat-taqsimiet konċernati fid-Dipartiment.
B’kollox hemm 12-il fuljett differenti maqsuma skont temi differenti u miktuba bi kliem sempliċi biex jinftiehmu minn kulħadd. Il-fuljetti li wieħed jista’ jsib huma: ‘M’Intix taħdem?’, ‘Se tiżżewweġ?’, ‘Trabbi t-tfal?’, ‘Imradt?’, ‘Weġġajt jew għandek diżabilità?’, ‘Int armel jew armla?’, ‘Int anzjan jew anzjana?’, ‘Meta nista’ nirtira?’, ‘Għandek bżonn iżjed għajnuna?’, X’inhuma l-benefiċċji tiegħi fl-Unjoni Ewropea?, ‘Tgħaddi mit-test tal-mezzi?’ u ‘Fejn irrid immur?’. Dawn il-fuljetti saru kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.
Għall-ewwel darba ħsibna wkoll biex dawn il-fuljetti jsiru fuq awdjo CD għall-persuni nieqsa mid-dawl jew b’vista batuta. Fl-awdjo CD wieħed isib l-istess informazzjoni li jista’ jsib fil-fuljetti.
F’kelmtejn li għamel fit-tnedija ta’ dawn il-fuljetti u s-CD, Mark Musu’ Direttur responsabbli mill-Iżvilupp Strateġiku u Relazzjonijiet Internazzjonali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, qal li b’dan il-mod, kulħadd se jkollu l-aċċessibilità għall-informazzjoni dwar il-benefiċċji soċjali. Fil-fatt, filwaqt li fil-passat tħejjew fuljetti informattivi ta’ dan it-tip, din hija l-ewwel darba li qed issir produzzjoni bħal din maħsuba għal nies nieqsa mid-dawl jew b’vista batuta.
Min-naħa tagħha Anne Marie Callus, Direttur Eżekuttiv tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, irringrazzjat u faħħret lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għal din l-inizjattiva li qed tgħin biex l-informazzjoni titwassal kemm jista’ jkun lil kulħadd. Hija appellat biex aktar organizzazzjonijiet governattivi jew privati jieħdu inizjattivi bħal dawn.
Dawn il-fuljetti informattivi u s-CD jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċji Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jew inkella minn fuq is-sit elettroniku www.socialsecurity.gov.mt. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jċempel fuq 2590 3000 jew lil SPIC fuq 159.
Stqarrijiet Oħra:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en