Left arrow Go Back

JUM IL-PREMJAZZJONI FL-ISKOLA TAL-MUZIKA JOHANN STRAUSS

pr0943
Date Icon 15/05/2011

Il-Gvern se jibni Kulleġġ tal-Arti li se jkun jiġbor fih l-iskejjel tal-Mużika, tad-Drama u tal-Arti; Kulleġġ li se joffri l-faċilitajiet kollha meħtieġa biex kulmin irid jispeċjalizza f’dawn l-oqsma jkun jista’ jagħmel dan f’ambjent modern u skont kif jitolbu ż-żminijiet tal-lum


Dan ħabbritu l-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja Dolores Cristina f’ċelebrazzjoni li matulha studenti tal-Iskola tal-Mużika Johann Strauss, li kisbu suċċess fl-eżamijiet tal-mużika, kienu ppremjati.


Il-Ministru qalet li fil-qasam tal-edukazzjoni fil-mużika bħalissa għaddejjin bi programm kbir maħsub biex jitjiebu s-servizzi offruti. Il-mużika, barra milli hi xi ħaġa li tagħti pjaċir u sodisfazzjoni kemm lil min iesegwiha kif ukoll lil min jismagħha, hi wkoll qasam li joffri anke karrieri professjonali. Studji u statistiċi juru li ħafna mill-istudenti li jidħlu għal xi dixxipplina artistika, jiksbu riżultati aħjar fis-suġġetti akkademiċi u jiffurmaw personalita’ aktar kreattiva.


Il-mira hi li aktar studenti u mużiċisti jkunu mħajra jieħdu dan is-suġġett  b’mod professjonali u fl-istess ħin jiżdiedu l-udjenzi lejn dan il-qasam artistiku.


Fil-livell primarju il-lum għandna numru biżżejjed ta’ għalliema tal-mużika biex tingħata lezzjoni tal-mużika kull ġimgħa lill-istudenti kollha.  It-tfassil mill-ġdid tal-programmi u l-kotba diġa’ qed jintlaqgħu tajjeb ħafna u joffru gwida tajba lill-istudenti.

Fil-livell sekondarju din is-sena intlaħaq tragward storiku.  Wara esperiment li sar fil-Kulleġġ ta’Għawdex li kien suċċess kbir, mis-sena skolastika li jmiss  is-sugġett  tal-Mużika se jkun offrut bħala għażla lill-istudenti kollha tas-sekondarji. Studenti li jagħżlu dan is-suġġett ikunu jistgħu jagħmlu is-SEC tal-Mużika u b’hekk l-istudenti jkunu jistgħu jkomplu jistudjaw il-mużika anke fil-livell post sekondarju u ogħla.


F’dan kollu l-Iskola tal-Mużika għandha rwol ċentrali.  Hi parti mill-viżjoni holistika tal-Gvern li joffri opportunitajiet lil dawk li jixtiequ jitgħallmu xi strument mużikali b’mod professjonali jew li jieħdu taħriġ speċjalizzat fil-qasam tal-mużika. 


Bħalissa l-Iskola tal-Mużika għaddejja minn proċess bl-iskop li l-korsijiet li toffri jitpoġġew fuq l-istess bażi tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki wara li jkunu rikonoxxuti mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki.  B’hekk iċ-ċertifikati u l-kwalifiki li wieħed jikseb minn din l-iskola jkunu rikonoxxuti wkoll fuq bażi Ewropea.


Dan il-proċess se jkun qiegħed iġib miegħu titjib fis-sillabi tal-iskola, l-istruttura tal-korsijiet u l-credits u l-modules ta’ kull kors biex ikun assigurat li jkollna titjib anke fil-kwalita’ fis-servizzi li toffri l-iskola.


Il-Gvern imbarka wkoll fuq proġett ambizzjuż ħafna.  Se jwaqqaf  Skola Ċentrali ta’ Speċjalizzazzjoni fil-Mużika li jkollha friegħi mferrxa f’diversi postijiet madwar Malta u Għawdex.  Dawn iċ-ċentri se joffru korsijiet fl-Apprezzament tal-Mużika u tagħlim tal-mużika f’livell bażiku għal diversi strumenti mużikali u anke fit-teorija.  Dan kollu taħt id-direzzjoni tal-Iskola tal-Mużika.  B’hekk ħafna studenti se jkollhom iċ-ċans jistudjaw il-mużika qrib ir-raħal tagħhom.


Dan il-programm ta’ Outreach diġa ssarraf tajjeb, għaliex din is-sena hemm  b’kollox 946 student li qed isegwu korsijiet tal-iSkola tal-Mużika meta mqabbel mal-555 tas-sena li għaddiet.  U dan meta din l-inizjattiva ilna sena biss li bdiet.


Minn dawn iċ-ċentri mferrxa mal-pajjiż, l-istudenti li jiksbu suċċess jingħataw l-opportunita’ li jmorru fl-Iskola Ċentrali biex ikomplu jistudjaw il-mużika f’livell aktar avanzat.


Il-Ministru Cristina fakkret li  s-sena li għaddiet l-Iskola Johann Strauss kellha toħroġ mill-binja li kellha fi Triq l-Ifran. Issa l-indikazzjonijiet huma li l-bini ta’ Triq l-Ifran diffiċli ħafna biex isir binja aċċessibbli biex fiha tilqa’ l-istudenti tal-Iskola tal-Mużika bil-ħtiġijiet kollha u bil-faċilitajiet kollha li jixraqilha skola tal-mużika fiż-żmien tal-lum.


Hi ħabbret li ġie identifikat post u ttieħdet id-deċiżjoni li fuqu jinbena Kulleġġ tal-Arti ġdid u modern li jkun jista’ jilqa’ fih l-iskejjel tal-Arti, tal-Mużika u tad-Drama, b’faċilitajiet mill-aqwa fejn l-istudenti tagħna jkunu jistgħu jispeċjaliżżaw f’dawn l-oqsma tal-arti performattiva.  L-ewwel fażi se tħares lejn il-bini ta’ Skola tal-Mużika ġdida.
Permezz ta’ dan il-Kulleġġ se nkunu nistgħu nagħtu taħriġ aktar speċjalizzat fil-mużika, id-drama u l-arti lil dawk l-istudenti li jkunu jixtiequ jispeċjalizzaw f’dawn l-oqsma.  Hawn għatx kbir għal studju speċjalizzat f’dawn l-oqsma kif juru l-applikazzjonijiet li qed ikun hemm għall-scholarships tal-Arti u scholarships taħt iż-żewġ skemi l-oħra.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni qalet li fi ftit żmien ieħor tkun tista’ tagħti aktar dettalji dwar dan il-proġett. 


Hi assigurat lil kulħadd li l-Gvern hu kommess u impenjat mhux biss li jkollna skola ġdida u aħjar mill-faċilitajiet li kellna s’issa,  imma wkoll li joffri lill-istudenti l-aħjar opportunitajiet biex ikomplu jimxu ‘l quddiem fil-karriera mużikali u f’karrieri artistiċi oħra.


“Naturalment, is-suċċess ta’ kull skola jiddependi wkoll mill-kwalita’ tat-tagħlim u d-dedikazzjoni tal-għalliema.  U għax naf kemm huma dedikati l-għalliema ta’ din l-iskola, inħossni kunfidenti li l-Iskola tal-Mużika għandha futur mill-isbaħ”, qalet il-Ministru Cristina. Hi rringrazzjat lil dawk kollha li jagħtu sehemhom f’din l-iskola, fosthom id-Direttur Mario Azzopardi, il-Kap tal-Iskola Monica Bugeja, l-għalliema u l-iStaff kollhu għax-xogħol u d-dedikazzjoni tagħhom u għall-koperazzjoni li wrew waqt it-trasferiment tal-iskola għall-bini fejn qegħdin il-lum, li hi dar temporanja sakemm jitlesta l-Kulleġġ il-ġdid.


Il-Ministru rringrazzja wkoll lill-President, Mro. Alan Chircop u l-Kunsill tal-Iskola li twaqqaf is-sena l-oħra, li wkoll qed jagħtu għajnuna tagħhom biex l-andament u l-livell tas-servizz tal-iskola tal-Mużika jkompli jogħla.  Fl-aħħar il-Ministru kellha kelma ta’ ringrazzjament lill-ġenituri li jagħtu l-appoġġ u l-koperazzjoni tagħhom lill-iskola u kelma ta’ nkoraġġiment lill-istudenti kollha  u awguratilhom ikomplu jistudjaw u javvanzaw fl-isudji tagħhom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the importance of dialogue and diplomacy in strengthening international peace and security

PR262005en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...

More Press Releases Right arrow