IS-SERVIZZI TAL-ARMS ISSA AĊĊESSIBBLI ONLINE U MINN TLIET KUNSILLI LOKALI
Bl-għan li jkompli jitjieb is-servizz tal-ARMS għall-konsumaturi u biex dawn jinqdew aħjar, numru ta’ servizzi tal-kumpanija, fosthom ħlasijiet ta’ kontijiet kif ukoll applikazzjonijiet għal servizzi differenti jistgħu jsiru fl-uffiċċji tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara. Dan is-servizz diġà qed ikun offrut mill-Kunsilli ta’ Ħal-Għaxaq u l-Gudja.
L-għan huwa li aktar ‘il quddiem tiżdied lokalità fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta u oħra lejn in-naħa ta’ isfel. Dan ħabbru l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, Tonio Fenech, waqt żjara fil-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara.
Il-Ministru spjega li wara li nstabu soluzzjonijiet għal numru ta’ problemi tekniċi li affrontat il-kumpanija fis-Sajf li għadda, kif ukoll l-ammont sostanzjali ta’ persuni li għamlu kuntatt mal-ARMS għal aktar informazzjoni dwar l-energy allowance, illum il-konsumatur qed jinqeda b’mod aktar mgħaġġel. Filfatt, klijent li jmur biex jinqeda minn Ħal Luqa qed ikollu medja ta’ ħin ta’ stennija ta’ madwar 36 minuta u jinqeda f’20 minuta. Bil-fatt li s-servizzi qed jiġu estiżi f’lokalitajiet oħra u elettronikament, dan għandu jkompli jitjieb.
F’din l-okkażjoni, il-Ministru Fenech ha wkoll l-okkazjoni biex iħabbar uffiċjalment it-tnedija ta’ sit elettroniku ġdid, smartutilities.com.mt, li minnha l-konsumaturi jistgħu jinqdew f’kull servizz meħtieġ b’rabta mal-ARMS, mill-verifika ta’ kontijiet, ħlasijiet, applikazzjonijiet għal servizzi u ħafna aktar. Huwa ħeġġeġ lill-konsumaturi biex jagħmlu użu minnha biex dejjem jinqdew b’mod aktar faċli u komdu.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Arms Limited, Wilfred J Borg fakkar ukoll li kull min iħallas fl-iskema tad-direct debit introdotta dan l-aħħar, fejn konsumaturi li jħallsu b’dan il mod jingħataw skont ta’ 2% fuq il-kont taghhom. B’sodisfazzjon innota illi dawk il-klijenti li għażlu din l-iskema irduppjaw minn mindu tħabbret.
Huwa rringrazzja lill-ħaddiema tal-ARMS għall-ħidma tagħhom biex il-konsumatur ikun jista’ jinqeda aħjar.
Other Press Releases:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en