Left arrow Go Back

IL-ĦAJJA AGRIKOLA F’RAĦAL TIPIKU MALTI – ĦIDMA AGRARJA U TRADIZZJONIJIET F’ĦAD DINGLI

pr0914
Date Icon 11/05/2011

Il-ħajja agrikola tipika Maltija u l-prodotti agrikoli frott il-ħidma tal-bidwi Malti se jkunu fiċ-ċentru tal-attenzjoni waqt l-attività ‘Ħidma Agrarija u Tradizzjonijiet’ organizzata mill-Kunsill Lokali Ħad Dingli bl-għajnuna tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali. Wara s-suċċess tal-istess attività li ttellgħet is-sena li għaddiet u li għaliha attendew mal-4,000 ruħ, il-Kunsill Lokali ħaseb li jkabbar l-attività bil-għan li jattira aktar viżitaturi u jkompli jippromwovi t-tradizzjonijiet agrikoli Maltin b’mod partikolari dawk ta’ Ħad Dingli.

L-attività ‘Ħidma Agrarja u Tradizzjonijiet’ se ssir nhar il-Ħadd 15 ta’ Mejju fl-isfond tal-kampanja u l-irdumijiet ta’ Ħad Dingli li hu sit ta’ Natura 2000. Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari Chris Said u mis-Sindku ta’ Ħad Dingli Ian Borg.

Il-viżitaturi u t-turisti se jkollhom iċ-ċans jesperjenzaw il-ħajja agrikola f’raħal rurali Malti, isegwu l-proċess kollu ta’ kif isiru l-ġbejniet, u jaraw kif il-Maltin ta’ dari kienu jaqtgħu s-suf tan-nagħaġ u l-mogħoż. Se jkunu organizzati wkoll mixjiet tul l-irdumijiet ta’ Ħad Dingli, u se jsiru rappreżentazzjonijiet tax-xalata kif kienet tkun organizzata qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Minbarra l-wirjiet tal-frott u ħxejjex, se jkun hemm għall-bejgħ prodotti tipikament Maltin filwaqt li se ssir ukoll kompetizzjoni tal-inbid. Se jkunu organizzati wkoll għadd ta’ attivitajiet oħra fosthom mużika u logħob ieħor għall-familja kollha.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said faħħar il-ħidma tal-Kunsill Lokali Ħad Dingli li qed jaħdem bis-sħiħ biex il-lokalità tiżviluppa b’mod sostenibbli u biex jisfrutta bl-aħjar mod il-karatteristiċi ewlenin tagħha. Hu fakkar kif il-Gvern għen finanzjarjament lill-Kunsill Lokali Ħad Dingli biex ifassal strateġija ta’ żvilupp sostenibbli. Id-dokument kien ippubblikat fix-xhur li għaddew u issa l-Kunsill Lokali għandu pjan li fuqu jista’ jimxi fuq tul ta’ żmien.

Chris Said qal ukoll li madwar terz tat-turisti li jżuru Malta kull sena, jżuru l-irdumijiet ta’ Ħad Dingli. Sabiex joffri esperjenza aħjar lil dawn l-erba’ mitt elf turisti u lil eluf ta’ viżitaturi Maltin oħra, il-Kunsill Lokali Ħad Dingli qed jirrestawra żewġt ikmamar u biċċa art li kien irċieva b’devoluzzjoni fl-2005, u qed idawwarhom f’Ċentru tal-Viżitaturi. Dan se jkun il-bidu u t-tmiem ta’ heritage trail li se tiffoka fuq il-wirt rurali u storiku tal-lokalità. Fih il-viżitaturi se jingħataw informazzjoni dwar il-flora u l-fawna li tinsab fil-kampanja f’Ħad Dingli. Iċ-Ċentru tal-Viżitaturi, immexxi bi sħab mal-privat, se jkun jinkludi ċentru għall-informazzjoni, faċilitajiet għal konferenzi żgħar u faċilitajiet ta’ catering sabiex il-post ikun sostenibbli.  Ix-xogħol fuq dan il-proġett jinsab fi stadju avvanzat ħafna.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said faħħar l-impenn tal-Kunsill Lokali Ħad Dingli li b’sinerġija mal-politika tal-Gvern għaraf jieħu inizjattivi u jwettaq proġetti li permezz tagħhom qed itejjeb u jsebbaħ il-lokalità għall-ġid tar-residenti u biex jitgawdew mill-mijiet ta’ eluf ta’ viżitaturi li jżuru Ħad Dingli matul is-sena.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the importance of dialogue and diplomacy in strengthening international peace and security

PR262005en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...

More Press Releases Right arrow