Left arrow Mur Lura

F’GĦAWDEX JINĠABRU €20,000 GĦAL PUTTINU CARES

pr0906
Date Icon 10/05/2011

Il-Kumitat ta’ Puttinu Cares f’Għawdex ippreżenta €20,000 waqt il-maratona tal-futbol ta’ Puttinu Cares li ttellgħet fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Dawn il-fondi nġabru minn attivitajiet li l-istess kumitat organizza fil-gżira Għawdxija matul l-aħħar ġimgħa.

Il-Puttinu Cares Gozo Sports Weekend ingħata bidu b’ċerimonja uffiċjali li kienet tinkludi quddiesa fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu kkonċelebrata mill-E.T. Mons. Mario Grech Isqof ta’ Għawdex u li għaliha attendiet il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono. 

Kien hemm preżenti wkoll Membri Parlamentari Għawdxin, rappreżentant ta’ Puttinu Cares, għalliema, ġenituri u tfal minn diversi skejjel f’Għawdex. Rappreżentanti ċkejknin ta’ dawn l-iskejjel ippreżentaw donazzjonijiet li nġabru minn attivitajiet li ġew organizzati fl-iskejjel rispettivi tagħhom. Hekk kif intemmet il-quddiesa, iż-żagħżugħ Thomas Cremona, li meta kien żgħir ikkumbatta l-marda qerrieda tal-kanċer u li riċentament qasam l-Atlantiku fuq dgħajsa, għamel preżentazzjoni fejn irrakkonta l-esperjenza u l-ħidma tiegħu biex jinġabru fondi għal dawk morda bil-kanċer.

L-attivitajiet issoktaw is-Sibt u l-Ħadd b’logħob ta’ futbol 6-a-side fil-Gozo Stadium fix-Xewkija u fil-grawnd tal-futbol ta’ Sannat, fejn b’kollox ipparteċipaw madwar 500 persuna, kemm irġiel kif ukoll nisa ta’ etajiet diversi, li kienu jinkludu diversi nurseries Għawdxin u oħrajn Maltin. Attrazzjonijiet oħra kienu l-wirja tal-karozzi fil-Munxar, il-Gozo Half Marathon u tellieqa bir-roti li telqet mix-Xagħra, kompetizzjonijiet tal-boċċi f’Ta’ Sannat, ix-Xewkija, il-Qala u l-Qbajjar, hairdressing fir-Rabat, wirja taż-żwiemel fix-Xewkija, sparatura fuq il-plattini fiż-Żebbuġ Shooting Range u l-Puttinu Retro Disco Party ma’ DJ Alex (Reflex) Grech.

Il-Puttinu Cares Gozo Sports Weekend ġie fi tmiemu b’attività għal familja kollha fil-grawnd ta’ Sannat fejn minbarra logħob tal-futbol li baqa’ għaddej sa filgħaxija, kien hemm ukoll kant u żfin, bouncing castle u face painting għat-tfal, Giochi Senza Frontiere, l-attrazzjoni Aerial Runway – Flying Fox, bejgħ ta’ kotba u pjanti kif ukoll car wash.

Attivitajiet oħra li ttellgħu aktar kmieni dan ix-xahar mill-Kumitat ta’ Puttinu Cares f’Għawdex kienu jinkludu High Tea kbir u mixja għal Puttinu Cares organizzata mill-istaff tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the importance of dialogue and diplomacy in strengthening international peace and security

PR262005en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza tad-djalogu u d-diplomazija għat-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali

PR262005

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza...

Aktar Stqarrijiet Right arrow