Left arrow Go Back

POLITIKA LI TPOĠĠI FIĊ-ĊENTRU LIN-NEGOZJI ŻGĦAR

pr0901
Date Icon 10/05/2011

“Il-politika tal-Gvern tpoġġi fiċ-ċentru tal-attenzjoni l-interessi tan-negozji żgħar u medji, billi toħloq l-aqwa ambjent biex fih jimirħu.  Jekk imorru tajjeb huma, igawdi l-pajjiż kollu.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi llum waqt li kien qed iżur il-kumpanija Chadwick Mushrooms Farm Ltd f’Tas-Salib, limiti tar-Rabat (Malta).

Is-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern huwa impenjat li joħloq l-aqwa ambjent biex fih jimirħu n-negozji żgħar.  Huwa semma kif bħalissa għaddej id-dibattitu fil-Parlament dwar il-Liġi li għall-ewwel darba f’pajjiżna ser tirregola l-qasam tal-impriżi żgħar.  Huwa qal li l-Att dwar in-Negozji Żgħar (SBA Malta) ser ikollu l-għan li jpoġġi iżjed fiċ-ċentru tal-attenzjoni lin-negozji żgħar, biex dawn jingħatalhom ambjent aħjar biex jimirħu fih.

Jason Azzopardi qal li Chadwick Mushrooms Farm Ltd hija eżempju ċar ta’ kemm l-imprenditur Malti ma jibżax mill-isfidi, u huwa kapaċi jagħmel suċċess permezz ta’ investimenti kbar.  Din il-kumpanija aġġornat it-teknologija tagħha maż-żminijiet, u dejjem wettqet il-qabża fil-kwalità li kienet tinħtieġ li tagħmel skond il-bżonn tas-suq.  Is-Segretarju Parlamentari qal li din il-kumpanija hija eżempju ċar tal-kapaċitajiet tal-imprenditur Malti meta mqabbel mal-klima ideali li joħloq il-Gvern permezz ta’ ambjent ekonomiku b’saħħtu, u li jinkoraġġixxi l-investiment.  Chadwick Mushrooms Farm Ltd illum tħaddem 17-il persuna, u tipproduċi 4 tunnellati faqqiegħ fil-ġimgħa, għas-suq lokali.

Jason Azzopardi ddawwar mal-kumpless tat-tkabbir tal-faqqiegħ mid-direttur tal-kumpanija Saviour Gauci, li stabbilixxa l-kumpanija fl-1974.  Il-kumpless illum huwa mħaddem minn sistema Olandiża u permezz tat-teknoloġija tal-computer, tiġi rregolata t-temperatura, l-umdità, carbon dioxide, u żżomm kontroll skont il-bżonn. Huma kburin li jieħdu ħsieb il-proċess kollu tat-tkabbir tal-faqqiegħ, mill-produzzjoni tal-compost, il-pasturizzazzjoni tiegħu, ‘it-tħawwil’ tal-faqqiegħ, koltivazzjoni, qtugħ, u pakkettjar.

Chadwick Mushrooms Farm Ltd, bħalissa tinsab impenjata fuq proġett  ta’ riċerka u żvilupp taħt il-Framework 7 programme tal-Unjoni Ewropea.  Il-proġett li jinsab f’fażi ta’ riċerka, huwa intiż li jistudja u jiżviluppa robot li jgħin fil-koltivazzjoni u l-qtugħ tal-faqqiegħ.  Dan il-proġett joffri sfida mhux żgħira għax il-faqqiegħ fin-natura tiegħu jista’ jkun kemm artab kif ukoll iebes.  F’dan il-proġett, Chadwick Mushrooms Farm Ltd qed tifforma parti minn konsorzju bħala SME, flimkien ma’ SMEs u RTDs (Research and Technical Developer) oħrajn ġejjin minn Spanja, it-Turkija, l-Greċja, l-Olanda, l-Polonja u Ċipru.

Dan mhux l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu li din il-kumpanija daħlet għalih.  Chadwick Mushrooms Farm Ltd kienet involuta fuq proġett ieħor importanti fuq livell Ewropew.  Il-proġett Water Bee kellu l-għan li jistudja l-possibilità ta’ sistema ta’ irrigazzjoni awtomatika.  Din is-sistema taqra l-livelli tal-ilma u sustanzi oħrajn fil-ħamrija permezz ta’ sensors, u tirregola t-tisqija tal-uċuħ.  Din is-sistema tinsab f’fażi avvanzata ta’ studju, u bħalissa qegħdin fil-proċess li jiksbu iżjed fondi mill-EU għaliha biex din tiġi żviluppata  minn prototype,  kummerċjalment.  

Jason Azzopardi sellem il-ħiliet imprenditorjali, ta’ din il-kumpanija u tant negozji żgħar oħrajn li permezz tal-impenn u l-etika tax-xogħol eċċellenti, li għandhom jikkontribwixxu għall-ekonomija tal-pajjiż.  Huwa sostna li l-pajjiż huwa rikonoxxenti lejn xogħolhom, u hu proprju għalhekk li l-Gvern iżomm ritmu qawwi ta’ sostenn għalihom permezz ta’ skemi u inċentivi.

Is-Segretarju Parlamentari qal MicroINVEST u MicroCREDIT huma tnejn biss mill-inizjattivi diretti għall-kumpaniji żgħar, biex iwettqu proġetti u joħolqu x-xogħol. 

Il-Fondi tal-Unjoni Ewropea ERDF (European Regional Development Fund), imħaddmin minn Malta Enterprise huma ċentrali fil-qafas ta’ għajnuniet li SMEs jistgħu jieħdu vantaġġ minnhom.  Malta Enterprise bħalissa  tinsab fil-proċess li tħaddem 7 skemi taħt l-ERDF – 20 Million for Industry Scheme, li flimkien għandhom valur ta’ €42 miljun.  Il-Fondi ERDF joffru opportunità tad-deheb lin-Negozji Żgħar li jidħlu għal proġetti ġodda, innovattivi, u li jkattru x-xogħol.   Permezz ta’ din l-għajnuna konkreta u diretta, in-Negozji Żgħar tagħna, ikomplu joħolqu rota ta’ investiment li tkattar ix-xogħol.  S’issa Malta Enterprise ħarġet 3 sejħiet għall-interess. 

Fl-ewwel u t-tieni sejħa kien hemm 396 kumpanija li jinsabu fil-proċess li jirċievu €24.9 miljun għal proġetti li wettqu. Taħt it-tielet sejħa daħlu 378 applikazzjoni, li talbu €24.4 miljun bejniethom.  Dawn qed jiġu pproċessati u evalwati.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the importance of dialogue and diplomacy in strengthening international peace and security

PR262005en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...

More Press Releases Right arrow