PARKS, MUŻEW TAL-FOLKLOR U RESTAWR TA’ WIRT STORIKU FOST PROĠETTI LI SE JSIRU MINN KUNSILLI LOKALI GĦAWDXIN B’FONDI EWROPEJ
Il-MEUSAC għen ħames lokalitajiet Għawdxin biex bejniethom akkwistaw 2.3 miljun ewro mill-Pjan ta’ Żvilupp Rurali tal-Unjoni Ewropea - Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali – Miżuri 313 u 323 tal-Unjoni Ewropea. Il-Kunsilli Lokali li se jgawdu minn dawn il-fondi huma l-Qala, Ta’ Sannat, San Lawrenz, l-Għarb u l-Munxar. Fost l-oħrajn se jinħolqu żewġ parks għar-rikreazzjoni u Mużew tal-Folklor. Se jkunu restawrati żewġ kappelli, salib tad-dejma, pont antik, u numru ta’ ħitan tas-sejjieħ. Se jsiru diversi faċilitajiet ġodda biex jitgawdew mill-viżitaturi u se jsiru wkoll numru ta’ heritage trails.
Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fi Ġnien il-Kunsill fil-Qala u li kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika Chris Said u mill-Kap tal-MEUSAC Dr. Vanni Xuereb. Preżenti kien hemm is-Sindki tal-ħames lokalitajiet Għawdxin li kisbu l-fondi bl-għajnuna tal-MEUSAC.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li fix-xhur li għaddew il-MEUSAC għen 14-il Kunsill Lokali, disa’ f’Malta u ħamsa f’Għawdex, jakkwistaw 5.4 miljun ewro mill-Pjan ta’ Żvilupp Rurali. Il-MEUSAC għen ukoll erba’ Kunsilli Lokali jakkwistaw miljuni ta’ ewro f’fondi taħt l-ERDF – Priority Axis 2 – Promoting Sustainable Localities biex itejbu ċ-ċentri urbani.
Dawn il-proġetti kollha se jgħinu fil-ħolqien tal-impjiegi f’oqsma bħall-agri-turiżmu, l-eko-turiżmu, u t-turiżmu kulturali. Il-proġetti nfushom se jgħinu wkoll biex il-lokalitajiet li kisbu fondi jkomplu jiżviluppaw b’mod sostenibbli. L-għan aħħari jibqa’ li t-tisbiħ tal-kampanja u r-restawr ta’ postijiet storiċi u rurali jwasslu biex aktar viżitaturi u turisti jżuru l-lokalitajiet u l-attrazzjonijiet tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-Kunsilli Lokali saru l-akbar benefiċjarji ta’ finanzjament Ewropew permezz tal-għajnuna tal-MEUSAC. Tul is-sentejn u nofs li għaddew, il-MEUSAC għen lill-Kunsilli Lokali biex jiksbu €7.5 miljun f’fondi mill-Unjoni Ewropea u bejniethom qed iwettqu 55 proġett differenti minn 33 Kunsill Lokali fosthom tmienja f’Għawdex.
Dr. Vanni Xuereb, Kap tal-MEUSAC, qal li l-Kunsilli Lokali f’Għawdex huma quddiem nett biex jisfruttaw mill-opportunitajiet ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea. Huwa rringrazzja lill-istaff tat-taqsima tal-MEUSAC li tassisti lil kunsilli lokali kif ukoll tal-uffiċċju li l-MEUSAC għandu f’Għawdex.
Il-ħames proġetti tal-Kunsilli Lokali Għawdxin li ħadu fondi mill-Pjan ta’ Żvilupp Rurali bl-għajnuna tal-MEUSAC huma dawn:
Fil-Qala se jsiru Park għar-Rikreazzjoni u Mużew tal-Folklor sabiex jitqiegħdu għall-wiri xogħlijiet ta’ arti u snajja’ tradizzjonali. Se ssir ukoll heritage trail li se tgħaqqad flimkien siti storiċi ewlenin. Il-karattru rurali tar-raħal se jissaħħaħ billi se jkunu restawrati l-ħitan tas-sejjieħ.
F’Ta’ Sannat se jsir investiment f’park ta’ rikreazzjoni li jippromwovi t-tradizzjonijiet agrikoli u l-wirt rurali tal-lokalità. Il-proġett imsejjaħ Tal-Bidwi għandu l-għan li jtejjeb il-prodott turistiku billi jsebbaħ l-inħawi ta’ Saguna, l-irdumijiet ta’ Bardan u l-inħawi ta’ Ċnus. Fil-park se ssir picnic area u minbarra diversi faċilitajiet fosthom ta’ Wi-Fi, se jkun jifforma parti minn heritage trail li tgħaqqad siti turistiċi ta’ valur.
F’San Lawrenz, fl-inħawi tad-Dwejra li hu sit Natura 2000, se jitjiebu l-faċilitajiet għall-bird-watchers, se tissebbaħ il-pjazza u se jkunu restawrati l-isqaqien. Se jkunu provduti wkoll faċilitajiet b’informazzjoni għall-viżitaturi. Dan il-proġett għandu jikkumplimenta r-restawr tal-faċċata tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz li qed issir ukoll b’fondi mill-Unjoni Ewropea.
Fl-Għarb se jsir ir-restawr ta’ ħames siti importanti fil-lokalita’: il-kappella ta’ San Dimitri, il-kappella Taż-Żejt, is-salib tad-Dejma fi Pjazza Żjara tal-Madonna, il-pont fi Triq ta’ Sdieri, u numru ta’ ħitan tas-sejjieħ.
Fil-Munxar se ssir heritage trail li se tgħaqqad iċ-ċentru tal-lokalita’ ma’ mogħdijiet f’kampanja ta’ sbuħija liema bħalha. Se jitwaħħlu sinjali direzzjonali, street furniture kif ukoll se jkun żviluppat tour virtwali li għandu jintuża biex jirreklama l-inħawi mat-turisti. Se jsir ukoll studju dwar ir-restawr u l-konservazzjoni tal-Mitħna tax-Xlendi. Fl-aħħarnett se jkunu restawrati l-ħitan tas-sejjieħ f’Ta’ Sanap.
Other Press Releases:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en