STQARRIJA MILL-UFFICCJU TAL-ISPEAKER
L-Uffiċċju tal-iSpeaker jagħmel riferenza għal dak li ntqal mill-Onorevoli Alfred Sant waqt il-ħin tal-mistoqsijiet tas-seduta parlamentari tal-lum, it-Tnejn, 9 ta’ Mejju 2011 u jiddikajra dan li ġej:
Illi fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra, l-iSpeaker fuq inizjattiva tiegħu, ippreżenta memorandum lill-Membri ta’ dak il-Kumitat fejn għamel proposta dettaljata ta’ kif għandha tigi implimentata immedjatament il-proċedura dwar l-iskrutinju tas-sussidjarjetà li l-Parlamenti Nazzjonali ngħataw skont it-Trattat ta’ Liżbona.
Xi jiem wara, l-istaff tal-Parlament ġab għall-attenzjoni tal-iSpeaker li l-Parlament kien irċieva mingħand numru ta’ Parlamenti Nazzjonali fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li huma kienu ħadu pożizzjoni dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB) fejn iddikjaraw li dan imur kontra l-prinċipju tas-sussidjarjetà.
l-iSpeaker minnufih ta struzzjonijiet lill-Iskrivan tal-Kamra biex iġġib din l-informazjzoni għall-attenzjoni tal-Membri Parlamenti kollha.
In vista tal-importanza nazzjonali tal-materja in kwestjoni, it-Tlieta, 3 ta’ Mejju, huwa sejjaħ laqgħa urġenti fil-kamra tiegħu mal-President tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej, il-Whip tan-naħa tal-Gvern u l-Whip tan-naħa tal-Oppożizzjoni. Hemmhekk, fil-preżenza tal-Iskrivan tal-Kamra, infurmahom li huwa jħoss li in vista tal-importanza tal-materja taħt konsiderazzjoni, huwa jħoss li, pendenti li tittieħed deċiżjoni quddiem il-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra, tiġi addotata proċedura għal dan il-każ paritikolari kif ġej:
Illi l-Parlament, fl-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu skont it-Trattat ta’ Liżbona, jikkummissjona studju indipendenti mill-Prof Peter Xuereb, Professur tad-dritt Ewropew fl-Università ta’ Malta, b’urġenza dwar din il-materja.
Illi dan ir-rapport jiġi diskuss quddiem il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej u illi r-rakkomondazzjoni tal-Kumitat jitressqu quddiem il-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra biex dan il-Kumitat jiddeċiedi dwar jekk il-Parlament għandux jieħu pożizzjoni dwar din il-materja permezz ta’ deċizjoni meħuda fil-Kumitat dwar ix-Xoghol tal-Kamra jew permezz ta’ deċizjoni meħuda fil-plenarja.
Kien hemm qbil unanimu minn kull parteċipant f’din il-laqgħa li kellha tiġi segwita din il-proċedura għal dan il-każ partikolari.
Malli l-opinjoni waslet mingħand il-Professur Xuereb, l-iSpeaker ta direttivaa lill-Iskrivan tal-Kamra li mhux biss tgħaddiha lill-Membri tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej iżda wkoll iġġibha għall-attenzjoni ta’ kull Membru Parlamentari minhabba li din kienet tittratta materja ta’ sussidjarjetà u huwa jemmen li kwalunkwe ħaġa dwar dan is-suġġett li l-Parlament Nazzjonali għandu poteri dwaru għandu jiġi kkomunikat lill-Membri kollha tal-Kamra bħala proċedura normali.
Għaldaqstant l-iSpeaker ma jistax assolutament jifhem l-atteġġjament u l-kummenti tal-Onor Alfred Sant u dan għaliex l-iSpeaker għamel kollox bl-aktar mod trasparenti u b’konsultazzjoni maż-żewġ naħat tal-Kamra b’sens ta’ risponsabbilità nazzjonali u bis-serjetà li jixraq lill-Parlament Malti biex dejjem tissaħħaħ ir-relevanza, ir-rispettabilità u l-effettività tal-Parlament Nazzjonali Malti.
Other Press Releases:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en