QED TITĦEJJA RIFORMA FIS-SISTEMA TAL-MATSEC
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja Dolores Cristina, waqt li kienet qed tindirizza l-Parlament tal-Istudenti fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa, ħabbret li barra l-Kurrikulu Nazzjonali ġdid li se jitnieda fil-jiem li ġejjin qed titħejja riforma fis-sistema tal-eżamijiet tal-MATSEC.
Il-Ministru kienet qed tieħu sehem f’parti mid-dibattitut li sar fil-Kamra tad-Deputati u li matulu studenti staqsew għaliex m’hemmx aktar żgħażagħ li jkomplu bl-edukazzjoni terzjarja.
Il-Ministru Dolores Cristina qalet li l-mira tal-Unjoni Ewropea hi li sal-2020 il-pajjiżi membri jkollhom madwar 10% tal-istudenti li jitilqu mill-iskola wara l-edukazzjoni obbligatorja. Għalkemm dawn huma miri sbieħ irridu nifhmu li pajjiżna beda minn ċifra ta’ 52% fl-2000 li jitilqu mill-iskola kmieni u fl-aħħar 10 snin din iċ-ċifra niżżilniha għal 36.8%. Dan ifisser li f’għaxar snin in-numru ta’ studenti li komplew bi studji ogħla żdied minn 14,168 għal 25,041. Pajjiżna għandu bżonn aktar żmien minn pajjiżi oħra, li l-punt tat-tluq tagħhom kien differenti biex jilħaq din il-mira.
Id-diversi riformi li qed isiru fl-edukazzjoni għandhom jagħtu riżultati fuq medda ta’ snin hekk kif aktar studenti jkomplu jistudjaw.
Il-Ministru Cristina qalet li hemm numru ta’ raġunijiet għaliex tfal ma jkomplux bl-iskola wara 16-il sena. Dawn jistgħu jkunu raġunijiet soċjali fejn ikollok ġenituri li sfortunatament iqisu li l-edukazzjoni ta’ uliedhom m’hix prijorità; hemm ukoll raġunijiet finanzjarji; l-aspettativa tal-istudenti nnifishom li jkunu jridu l-flus f’idejhom. Tista’ ssib studenti b’diffikultajiet fit-tagħlim u jaqgħu lura u minkejja d-diversi servizzi li qed jingħataw jaqtgħu qalbhom. Jista’ jkun li s-sistema edukattiva stess tnaqqas il-motivazzjoni.
Għal din ir-raġuni tneħħa l-istreaming u qed inkomplu ninvestu f’edukazzjoni inklussiva u b’aktar servizzi lill-isudenti. Kull student għandu potenzjal u l-pajjiż ma jistax jitlef anqas persuna waħda. Għalhekk fil-qasam edukattiv jittieħdu diversi inizjattivi u noffru opportunitajiet lil kulħadd skont il-ħiliet tiegħu. Għalhekk ukoll mis-sena d-dieħla se jkunu inklużi suġġetti vokazzjonali anke fil-livell sekondarju.
Il-Ministru Cristina saħqet fuq l-importanza li d-deċiżjonijiet li jsiru dwar riformi fl-edukazzjoni jkunu meħuda minn dawk kollha interessati f’dan il-qasam u li l-iskejjel tal-Istat u dawk tal-Knisja kif ukoll dawk Indipendenti jimxu flimkien fir-riformi.
Hi rriferiet għall-firxa kbira ta’ korsijiet li l-lum jistgħu jieħdu studenti li jridu jibqgħu jistudjaw kemm fuq livell akkademiku kif ukoll fuq livell vokazzjonali. L-Universita, l-ITS, l-MCAST u istituzzjonijiet oħra jipprovdu diversi opportunitajiet lill-istudenti tagħna. Qegħdin ukoll nagħtu lil studenti li għal xi raġuni kellhom jitilqu mill-iskola kmieni ċans ieħor biex jirnexxu.
Il-Ministru semmiet ukoll programmi bħal Youth Inc. kif ukoll programmi tal-Korporazzjoni għax-xogħol u t-taħriġ, programmi għal studenti li jkollhom diffikultajiet fit-tagħlim u programmi offruti mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li l-programmi tiegħu m’humiex biss għall-anzjani imma għal kulmin jixtieq ikompli jistudja anke jekk għadu żagħżugħ.
L-Edukazzjoni hi xi ħaġa dinamika u minn żmien għal żmien irridu nkomplu naġġornaw il-programmi edukattivi tagħna. Fil-fatt, fi ftit jiem oħra se jitħabbar Qafas ta’ Kurrikulu Nazzjonali ġdid li se jkun miftuħ għal konsultazzjoni pubblika u qed titħejja wkoll riforma fil-qasam tal-MATSEC, biex ikollna sistema ta’ eżamijiet li timmotiva l-istudenti juru l-ħiliet tagħhom.
Kull student hu uniku. Kull student irid ikun konxju li hu uniku u jagħmel ħiltu biex joħroġ l-aħjar tiegħu. L-għalliema wkoll iridu jirrikonoxxu li kull student għandu l-ħiliet partikolari tiegħu iżda l-għażla finali tibqa’ dejjem f’idejn l-istudent, temmet tgħid il-Ministru Cristina.
Stqarrijiet Oħra:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005