DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. GEORGE ABELA, PRESIDENT TA’ MALTA FL-OKKAŻJONI TAL-KXIF TA’ MONUMENT TAL-ARTIST ANTON AGIUS F’WESGĦAT IL-MUŻEW, RABAT
Onorevoli Prim Ministru,
Onorevoli Ministri,
Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni,
Onorevoli Membri Parlamentari,
Sinjuri Sindku u Membri tal-Kunsill Lokali tar-Rabat,
Mistednin distinti,
Nirringrazzjakom talli stedintuni sabiex ninawgura dan il-monument lil Anton Agius, xogħol l-iskultur Rabti Joseph Scerri.
Illejla nġbarna hawn biex nonoraw artist Malti bħalna u wild ir-Rabat, Anton Agius, li ta kontribut kbir lis-soċjetà Maltija fil-qasam tal-arti. Għaliex l-arti hija essenzjali fis-soċjetà. Mingħajr arti, is-soċjetà hi bħal ġisem mingħajr ruħ. L-artist għandu responsabiltà lejn is-soċjetà, ir-responsabiltà li juriha dak li jara hu bl-għajnejn u l-moħħ sensittivi tal-artist u li hi mhux dejjem tagħraf tarah b’mod kif jarah l-artist. L-artist jista’ wkoll jesprimi dak li tħoss is-soċjetà imma jesprimih b’mod aktar qawwi li jolqot u jqanqal lil dak li jkun.
L-artist joħloq l-arti u dan jagħmlu fil-kuntest tas-soċjetà ta’ żmienu. Agius ifisser ruħu fl-ambjent Malti u Mediterranju. Naħseb li Anton Agius fehem sew is-sentimenti tal-poplu Malti f’dik li hi storja u tana monumenti stupendi li jesprimu ħeġġa patrijottika marbuta ma’ ġrajjiet storiċi bħalma hu s-Sette Giugno, monument li jfakkarna fis-sagrifiċċju suprem ta’ dawk il-Maltin li ħallew ħajjithom fi żmien meta l-poplu Malti ried juri li xtaq tibdil li jwassal għal aktar libertajiet demokratiċi. Il-monument ta’ Dun Mikiel Xerri u sħabu jagħti ġieħ lill-patrijotti li wkoll taw ħajjithom għal pajjiżhom. Dak ta’ Manwel Dimech li hemm Kastilja jonora patrijott li bata’ u ħadem għall-ħelsien u l-emanċipazzjoni ta’ ħutu l-Maltin fiż-żmien kolonjali.
Agius radd ukoll ġieħ lill-ħaddiem permezz tal-monument grandjuż li ġie inawgurat mill-General Workers Union fl-1980 fl-Imsida, monument kumpless li, fi kliem sempliċi, ifisser il-ħila tal-ħaddiem flimkien mad-dinjità kbira tiegħu fil-ħidma ta’ kuljum li biha jsostni l-ekonomija tal-pajjiż u jgħajjex lill-familja tiegħu.
Anton Agius fisser ukoll l-ispiritwalità tiegħu kif jaf ifissirha l-artist, permezz tal-iskultura, u ħadem xogħlijiet tassew espressivi kemm fl-injam u kemm f’materjal ieħor li jinsabu kemm fi knejjes u kemm f’kollezzjonijiet privati.
Impressjonanti l-kurċifissi li ħadem bħal dawk fil-bronż li hemm iċ-Ċimiterju tal-Addolorata, dak li hemm għand id-Dumnikani tar-Rabat u kif ukoll ix-xbihat tal-qaddisin bħal dik fl-injam ta’ San Franġisk li hemm fil-Mużew Wignacourt u l-iskultura tal-bronż ta’ Padre Pio li hemm fil-knisja tat-Trinità fil-Marsa.
Agius kien ritrattista mill-aqwa u aħna xxurtjati li tana monumenti lil diversi personaġġi Maltin bħalma huma Francis Ebejer u Monsinjur De Piro.
Jiena tolqotni ħafna l-iskultura ta’ Agius minquxa fl-injam. Għalih, zokk ta’ siġra, ħafna drabi ż-żebbuġa, kien bħal ħaġa ħajja li tkellmu u tispirah sakemm joħroġ minnha xbieha, li hu diġa’ kien qed jaraha fiha, jipprova joħroġ minn dik l-injama, bħallikieku l-vini, l-għeruq u l-forom naturali tal-injama diġa’ kellhom ġo fihom dik il-figura, astratta jew figurattiva, li xtaq joħloq hu bl-iskalpell. Agius kellu ħila speċjali biex iżewweġ l-astratt mal-figurattiv u din hija karatteristika ewlenija fix-xogħol tiegħu. Ħallielna wkoll ħafna skulturi ta’ annimali, pjanti u ħlejjaq tal-baħar.
Huwa impossibbli li fi ftit minuti tfiehem il-kobor artistiku ta’ Anton Agius li kien artista prolofiku ħafna. Agius kellu l-fortuna li kien rikonoxxut ferm meta kien għadu ħaj. Kien ingħata diversi onorifiċenzi kif kien tassew jistħoqqlu. Il-pubbliku għandu x-xorti jgawdi l-arti ta’ Agius fil-każ ta’ dawk ix-xogħlijiet aċċessibbli għal kulħadd bħalma huma monumenti, skultura fil-knejjes u xogħlijiet fil-mużewijiet. Ħafna mill-isbaħ xogħlijiet ta’ Agius jinsabu f’kollezzjonijiet privati u għalhekk m’humiex aċċessibbli għall-pubbliku.
Ikun tajjeb kieku jiġu organizzati wirjiet fejn, bil-kooperazzjoni ta’ sidien privati tax-xogħlijiet ta’ Agius, il-pubbliku jingħata l-opportunità li japprezza b’mod aktar wiesa’ x-xogħol ta’ dan l-artist. Ikun xieraq ukoll jekk, fejn hu possibbli, l-Istat jakkwista aktar xogħlijiet ta’ Agius biex jitpoġġew fil-mużewijiet jew li sidien privati jagħtu jew iħallu b’legat xogħlijiet tal-arti biex jitgawdew mill-pubbliku.
Fl-aħħar vers tal-poeżija “Non Omnis Moriar”, Dun Karm kiteb: “Il-poeta jintemm u l-għanja tibqa’”. Bl-istess mod, nistgħu ngħidu li Anton Agius ħalla din id-dinja imma ma ntemmx għaliex l-artist imut imma xogħlijietu jibqgħu magħna.
Nirringrazzjakom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005