RAPPORT TAL-BORD TAL-GĦAŻLA GĦALL-PREMJU NAZZJONALI ĦADDIEM TAS-SENA 2011
Motivazzjoni għal Special Mention – Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2011
Il-Bord tal-Għażla ħass li din is-sena wkoll persuna fost dawk nominati tingħata “Special Mention” minħabba li n-nominazzjoni tagħha kienet ferm viċin dik tal-persuna li ngħatat il-Premju.
Joseph Debono ilu jaħdem għal dawn l-aħħar 22 sena mal-kumpanija ST Microeletronics. Beda jaħdem bħala store attendant sakemm manager skopra fih kwalitajiet tajbin li jikkwalifikawh għall-kariga għola. Dan jixhdu l-fatt li matul il-perjodu kemm ilu jahdem ma’ din il-kumpannija huwa ġie promoss minn store attendant għal skrivan, supervisor, senior supervisor u officer.
Joseph jara li jżomm integrità kbira fl-istokk tal-fabbrika ghaliex il-planners tad-diviżjoni jibbilanċjaw l-ordnijiet fuq dak li jaraw fl-istocks register tal-fabbrika. Il-linji tal-produzzjoni wkoll jibbażaw ix-xogħol fuq l-ammont ta’ stocks li jkun hemm. L-integrità tal-figuri li jirrapporta Joe b’mezzi elettroniċi kuljum hija għalhekk indispensabbli biex kollox jimxi b’mod koordinat.
It-testimonials minn diversi klijenti tal-fabbrika barranin kollha jixhdu d-dedikazzjoni u l-mod professjonali li bih jahdem Joe.
Peress li s-sitwazzjoni tal-ST Microelectronics f’Malta għal perjodu ta’ żmien ma tantx kienet tajba, il-ħaddiema kien ikollhom moral baxx pero Joseph bil-mod tiegħu kien jirnexxielu jimmotivahom u jghollilhom il-moral.
Is-servizz tajjeb ta’ Joe ġie rikonoxxut sew lokalment meta huwa rebah il-ħaddiem tax-xahar tal-ST kif ukoll mid-diretturi tal-Global Logistics and Warehousing Organisation Ewropej fejn huwa spikka fost kompetituri oħra fl-Ewropa. Rikonoxximent ieħor li rebaħ Joe huwa meta fforma parti minn team immexxi mill-manager tiegħu li kiseb il-premju Breakthrough Award tal-Ewropa.
Meta kkunsidra dan kollu, il-Bord tal-Għażla għall-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2011 ħass li Joseph Debono jimmerith “Special Mention”.
Motivazzjoni għar-rebbieħa – Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2011
Vickie Gauci ta’ 45 sena taħdem bħala Principal Occupational Therapist mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni B’Diżabilita.
Hija kkwalifikata bħala Occupational Therapist u għandha grad ta’ Masters fis-suġġett tan-Newroriabilitazzjoni. Hi tixtieq li tkompli l-istudji tagħha għal Ph.D., imma minħabba li bħalissa hija mpenjata ħafna fuq il-Proġett tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita tat-Taqsima Ħajja Ndipendenti, hija ppreferiet li twettaq dan l-impenn bis-sħiħ qabel taħseb fuq ix-xewqat personali tagħha. Il-proġett, li jiswa kważi żewġ miljun euro, li huwa fdat f’idejha, huwa ffinazjat mill-Fondi Strutturali tal-Ewropa u KNPD ma kintix tkun f’posizzjoni li tissottometti applikazzjoni ta’ kwalità tajba biżżejjed biex jingħataw il-fondi li ma kienx għall-involviment personali ta’ Vickie.
Fil-fatt dawn il-fondi ngħataw u Vickie hija l-project leader li qed tmexxi żewġ proġetti, apparti x-xogħol l-ieħor tagħha fi ħdan il-KNPD u fil-Fakultà tax-Xjenzi dwar is-Saħħa fl-Università ta’ Malta.
Hija persuna li kapaċi taqsam il-ferħ tagħha ma’ ħaddieħor u toħloq tbissima fejn meħtieġ biex iżżomm l-ambjent mill-aktar dinamiku fuq il-post tax-xogħol tagħha. Min-naħa l-oħra hi żżomm id-diffikultajiet tagħha kemm jista jkun għaliha biex ma tgħabbix lil ħaddieħor bihom.
Ix-xogħol tagħha twettqu b’mod professjonali u tikkordina l-ħidma tagħha bl-aktar mod effiċjenti u b’mod li bih jista’ joħroġ l-aktar ġid possibbli għal ħaddieħor. Hija qatt ma taqta’ qalbha mill-isfidi tal-ħajja, la dawk personali u l-anqas dawk li tiltaqa’ magħhom fuq ix-xogħol. Hi mara umli li kapaci taħdem fis-silenzju mingħajr ma tiftaħar bil-kwalifiċi u esperjenzi estensivi tagħha u mingħajr ma tistenna li l-ħidma tagħha tiġi rikonoxxuta.
Minbarra l-effiċjenza tagħha, f’Vickie jispikka wkoll il-valur tal-onestà tagħha fuq ix-xogħol. Biex ix-xogħol isir tajjeb hija ħafna drabi tieħu x-xogħol magħha d-dar. Anke meta kellha l-inċident tat-traffiku fl-2003, għalkemm kellha tagħmel diversi xhur il-bogħod mill-post tax-xogħol, kienet turi ħerqa biex tkun tista tkompli x-xogħol tagħha mill-aktar fis possibbli.
Ir-rieda ta’ Vickie li taħdem lil hinn minn dak li huwa mitlub minnha fuq ix-xogħol, dehret meta wahda mill-project managers li kienet qed taħdem fuq il-proġett Taqsima Ħajja Ndipendenti temmet l-impjieg tagħha ħesrem f’fażi mportanti tal-proġett. Mingħajr tgergir, u biex ix-xogħol fuq il-proġett ma jaqax lura, Vickie ħadet l-inizjattiva li tkompli l-proġett u li tieħu fuq spallejha xogħol li kellu jsir minn persuna ta’ grad inqas minna. U dan huwa xogħol miżjud max-xogħol tagħha ta’ kuljum.
Meta għamlet id-diskors fil-ftuħ tal-Isptar Mater Dei hija kienet qalet hekk: “Ikun inutli li jkollna Sptar State of the Art jekk l-attitudni tagħna bħala ħaddiema ma tkunx ukoll State of the Art”. Dan jirrifletti b’mod tajjeb l-attitudni ta’ Vickie stess lejn ix-xogħol li twettaq.
Minħabba dawn il-konsiderazzjonijiet u konsiderazzjonijiet oħra li l-Bord tal-Għażla ra meta stħarreġ ix-xogħol li twettaq Vickie, wasal għal deċiżjoni unanima li jagħti lill-Vickie Gauci l-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2011.
Stqarrijiet Oħra:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005