Left arrow Go Back

RAPPORT TAL-BORD TAL-GĦAŻLA GĦALL-PREMJU NAZZJONALI ĦADDIEM TAS-SENA 2011

pr0886
Date Icon 06/05/2011

Motivazzjoni għal Special Mention – Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2011

Il-Bord tal-Għażla ħass li din is-sena wkoll persuna fost dawk nominati tingħata “Special Mention” minħabba li n-nominazzjoni tagħha kienet ferm viċin dik tal-persuna li ngħatat il-Premju.

Joseph Debono ilu jaħdem għal dawn l-aħħar 22 sena mal-kumpanija ST Microeletronics. Beda jaħdem bħala store attendant sakemm manager skopra fih kwalitajiet tajbin li jikkwalifikawh għall-kariga għola. Dan jixhdu l-fatt li matul il-perjodu kemm ilu jahdem ma’ din il-kumpannija huwa ġie promoss minn store attendant għal skrivan, supervisor, senior supervisor u officer.

Joseph jara li jżomm integrità kbira fl-istokk tal-fabbrika ghaliex il-planners tad-diviżjoni jibbilanċjaw l-ordnijiet fuq dak li jaraw fl-istocks register tal-fabbrika. Il-linji tal-produzzjoni wkoll jibbażaw ix-xogħol fuq l-ammont ta’ stocks li jkun hemm. L-integrità tal-figuri li jirrapporta Joe b’mezzi elettroniċi kuljum hija għalhekk indispensabbli biex kollox jimxi b’mod koordinat.

It-testimonials minn diversi klijenti tal-fabbrika barranin kollha jixhdu d-dedikazzjoni u l-mod professjonali li bih jahdem Joe.

Peress li s-sitwazzjoni tal-ST Microelectronics f’Malta għal perjodu ta’ żmien ma tantx kienet tajba, il-ħaddiema kien ikollhom moral baxx pero Joseph bil-mod tiegħu kien jirnexxielu jimmotivahom u jghollilhom il-moral.

Is-servizz tajjeb ta’ Joe ġie rikonoxxut sew lokalment meta huwa rebah il-ħaddiem tax-xahar tal-ST kif ukoll mid-diretturi tal-Global Logistics and Warehousing Organisation Ewropej fejn huwa spikka fost kompetituri oħra fl-Ewropa. Rikonoxximent ieħor li rebaħ Joe huwa meta fforma parti minn team immexxi mill-manager tiegħu li kiseb il-premju Breakthrough Award tal-Ewropa.

Meta kkunsidra dan kollu, il-Bord tal-Għażla għall-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2011 ħass li Joseph Debono jimmerith “Special Mention”.


Motivazzjoni għar-rebbieħa – Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2011

Vickie Gauci ta’ 45 sena taħdem bħala Principal Occupational Therapist mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni B’Diżabilita.

Hija kkwalifikata bħala Occupational Therapist u għandha grad ta’ Masters fis-suġġett tan-Newroriabilitazzjoni. Hi tixtieq li tkompli l-istudji tagħha għal Ph.D., imma minħabba li bħalissa hija mpenjata ħafna fuq il-Proġett tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita tat-Taqsima Ħajja Ndipendenti, hija ppreferiet li twettaq dan l-impenn bis-sħiħ qabel taħseb fuq ix-xewqat personali tagħha.  Il-proġett, li jiswa kważi żewġ miljun euro, li huwa fdat f’idejha, huwa ffinazjat mill-Fondi Strutturali tal-Ewropa u KNPD ma kintix tkun f’posizzjoni li tissottometti applikazzjoni ta’ kwalità tajba biżżejjed biex jingħataw il-fondi li ma kienx għall-involviment personali ta’ Vickie.

Fil-fatt dawn il-fondi ngħataw u Vickie hija l-project leader li qed tmexxi żewġ proġetti, apparti x-xogħol l-ieħor tagħha fi ħdan il-KNPD u fil-Fakultà tax-Xjenzi dwar is-Saħħa fl-Università ta’ Malta.

Hija persuna li kapaċi taqsam il-ferħ tagħha ma’ ħaddieħor u toħloq tbissima fejn meħtieġ biex iżżomm l-ambjent mill-aktar dinamiku fuq il-post tax-xogħol tagħha. Min-naħa l-oħra hi żżomm id-diffikultajiet tagħha kemm jista jkun għaliha biex ma tgħabbix lil ħaddieħor bihom.

Ix-xogħol tagħha twettqu b’mod professjonali u tikkordina l-ħidma tagħha bl-aktar mod effiċjenti u b’mod li bih jista’ joħroġ l-aktar ġid possibbli għal ħaddieħor. Hija qatt ma taqta’ qalbha mill-isfidi tal-ħajja, la dawk personali u l-anqas dawk li tiltaqa’ magħhom fuq ix-xogħol.  Hi mara umli li kapaci taħdem fis-silenzju mingħajr ma tiftaħar bil-kwalifiċi u esperjenzi estensivi tagħha u mingħajr ma tistenna li l-ħidma tagħha tiġi rikonoxxuta.

Minbarra l-effiċjenza tagħha, f’Vickie jispikka wkoll il-valur tal-onestà tagħha fuq ix-xogħol. Biex ix-xogħol isir tajjeb hija ħafna drabi tieħu x-xogħol magħha d-dar. Anke meta kellha l-inċident tat-traffiku fl-2003, għalkemm kellha tagħmel diversi xhur il-bogħod mill-post tax-xogħol, kienet turi ħerqa biex tkun tista tkompli x-xogħol tagħha mill-aktar fis possibbli.

Ir-rieda ta’ Vickie li taħdem lil hinn minn dak li huwa mitlub minnha fuq ix-xogħol, dehret meta wahda mill-project managers li kienet qed taħdem fuq il-proġett Taqsima Ħajja Ndipendenti temmet l-impjieg tagħha ħesrem f’fażi mportanti tal-proġett. Mingħajr tgergir, u biex ix-xogħol fuq il-proġett ma jaqax lura, Vickie ħadet l-inizjattiva li tkompli l-proġett u li tieħu fuq spallejha xogħol li kellu jsir minn persuna ta’ grad inqas minna. U dan huwa xogħol miżjud max-xogħol tagħha ta’ kuljum.

Meta għamlet id-diskors fil-ftuħ tal-Isptar Mater Dei hija kienet qalet hekk: “Ikun inutli li jkollna Sptar State of the Art jekk l-attitudni tagħna bħala ħaddiema ma tkunx ukoll State of the Art”. Dan jirrifletti b’mod tajjeb l-attitudni ta’ Vickie stess lejn ix-xogħol li twettaq.

Minħabba dawn il-konsiderazzjonijiet u konsiderazzjonijiet oħra li l-Bord tal-Għażla ra meta stħarreġ ix-xogħol li twettaq Vickie, wasal għal deċiżjoni unanima li jagħti lill-Vickie Gauci l-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2011.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the importance of dialogue and diplomacy in strengthening international peace and security

PR262005en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza tad-djalogu u d-diplomazija għat-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali

PR262005

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza...

More Press Releases Right arrow