Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA, FL-OKKAŻJONI TAL-GĦOTI TAL-PREMJU “ĦADDIEM TAS-SENA 2011” – IL-PALAZZ TAL-PRESIDENT, IL-BELT VALLETTA – IL-ĠIMGĦA, 06

pr0885
Date Icon 06/05/2011

Sinjuri,

Hu ta’ unur kbir għalija li l-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2011 qed jiġi organizzat mis-Segretarjat Parlamentari li jien responsabbli minnu u li jinsab fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Il-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena mhu xejn ħlief turija ta’ apprezzament għad-dedikazzjoni, l-impenn u l-bżulija tal-ħaddiem Malti. Huwa l-mod kif nirringrazzjaw lill-ħaddiem Malti u nonoraw ħidmietu.

Għalkemm il-Premju jingħata lil persuna waħda, f’dik il-persuna jkun hemm rappreżentata l-firxa kbira ta’ ħaddiema li jaħdmu bla heda – mhux biss għal wieħed mill-għanijiet ewlenin tax-xogħol, jiġifieri dak li wieħed jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum – iżda anke biex bix-xogħol tagħhom, il-ħaddiema tagħna jagħtu kontribut lis-soċjetà u jkunu ta’ eżempju għal ħaddiema oħra sħabhom.

Sa mill-ewwel rebbieħ tal-Premju Ħaddiem tas-Sena rajna ħaddiema Maltin li ma marrux għax-xogħol bir-rieda li jagħtu l-minimu neċessarju. Rajna minflok ħaddiema li marru għax-xogħol b’konvizjoni li huwa bix-xogħol tagħhom li pajjiżna jista’ jimxi ’l quddiem.  Rajna ħaddiema konxji mill-importanza li kull ħaddiem jagħti l-mija fil-mija tiegħu fuq il-post tax-xogħol. Fuq kollox, ippremjajna ħaddiema li raw il-post tax-xogħol tagħhom bħala dinja li riedu jtejbuha, għall-ġid tagħhom, tal-familji tagħhom u tas-soċjetà kollha.

Konvint li r-rebbieħ ta’ din is-sena iħaddan l-istess valuri:
• li jaħdem għalih innifsu biex ikollu sens ta’ dinjità,
• għall-familja tiegħu biex joffrilha kwalità ta’ ħajja aħjar,
• għall-post tax-xogħol biex dan imur ‘il quddiem,
• u għall-pajjiż biex ikompli jikber għall-ġid ta’ kullħadd.

Din is-sena kellna firxa vasta ta’ ħaddiema – kemm mis-settur pubbliku kif ukoll mis-settur privat - li ta’ għemilhom u għad-dedikazzjoni tagħhom kien jistħoqqilhom jiġu nominati għal dan il-premju.  B’kollox kellna 23 nominazzjoni mill-oqsma tal-Edukazzjoni, Xandir, Kura tal-Anzjani, IT, Komunikazzjoni, mill-qasam tas-Saħħa u oħrajn.

Ippermettuli hawn nifraħ u nirringrazzja lil għadd ta’ kumpaniji u impriżi privati f’pajjiżna li iżjed ma jgħaddi ż-żmien iżjed qed juru interess f’dan il-premju. Huwa ta’ sodisfazzjon għalina lkoll li naraw kumpaniji li mhux biss iħossu li għandhom jinnominaw ħaddiema tagħhom iżda li jħarsu lejn dan il-Premju bħala ċertifikat għall-kumpanija nnifisha.

Nixtieq nieħu l-okkażjoni fejn hawn miġbura grupp imdaqqas ta’ nies li għandhom għal qalbhom l-interessi tal-ħaddiem Malti, biex nirringrazzjakom. Grazzi lill-unions – tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem. Grazzi lil dawk li jħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema u jaraw li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema mhux biss jitħarsu iżda jitjiebu. Grazzi ta’ kemm-il darba wieħed ipoġġi f’ġenb interessi periferiċi biex jiffoka fuq l-interessi tal-ħaddiema.

Il-Premju Ħaddiem tas-Sena huwa turija tal-apprezzament tal-Istat lejn il-ħaddiem Malti. F’mument meta d-dinja qed tipprova tirkupra mill-effetti li ħalliet il-kriżi finanzjarja internazzjonali, il-ħaddiem Malti huwa għalina l-għodda ewlenija – l-aqwa riżorsa - biex inżommu l-investiment f’pajjiżna u nattiraw lejn pajjiżna investiment ġdid.

Grazzi ħafna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the importance of dialogue and diplomacy in strengthening international peace and security

PR262005en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza tad-djalogu u d-diplomazija għat-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali

PR262005

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza...

Aktar Stqarrijiet Right arrow