DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA, FL-OKKAŻJONI TAL-GĦOTI TAL-PREMJU “ĦADDIEM TAS-SENA 2011” – IL-PALAZZ TAL-PRESIDENT, IL-BELT VALLETTA – IL-ĠIMGĦA, 06
Sinjuri,
Hu ta’ unur kbir għalija li l-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2011 qed jiġi organizzat mis-Segretarjat Parlamentari li jien responsabbli minnu u li jinsab fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Il-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena mhu xejn ħlief turija ta’ apprezzament għad-dedikazzjoni, l-impenn u l-bżulija tal-ħaddiem Malti. Huwa l-mod kif nirringrazzjaw lill-ħaddiem Malti u nonoraw ħidmietu.
Għalkemm il-Premju jingħata lil persuna waħda, f’dik il-persuna jkun hemm rappreżentata l-firxa kbira ta’ ħaddiema li jaħdmu bla heda – mhux biss għal wieħed mill-għanijiet ewlenin tax-xogħol, jiġifieri dak li wieħed jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum – iżda anke biex bix-xogħol tagħhom, il-ħaddiema tagħna jagħtu kontribut lis-soċjetà u jkunu ta’ eżempju għal ħaddiema oħra sħabhom.
Sa mill-ewwel rebbieħ tal-Premju Ħaddiem tas-Sena rajna ħaddiema Maltin li ma marrux għax-xogħol bir-rieda li jagħtu l-minimu neċessarju. Rajna minflok ħaddiema li marru għax-xogħol b’konvizjoni li huwa bix-xogħol tagħhom li pajjiżna jista’ jimxi ’l quddiem. Rajna ħaddiema konxji mill-importanza li kull ħaddiem jagħti l-mija fil-mija tiegħu fuq il-post tax-xogħol. Fuq kollox, ippremjajna ħaddiema li raw il-post tax-xogħol tagħhom bħala dinja li riedu jtejbuha, għall-ġid tagħhom, tal-familji tagħhom u tas-soċjetà kollha.
Konvint li r-rebbieħ ta’ din is-sena iħaddan l-istess valuri:
• li jaħdem għalih innifsu biex ikollu sens ta’ dinjità,
• għall-familja tiegħu biex joffrilha kwalità ta’ ħajja aħjar,
• għall-post tax-xogħol biex dan imur ‘il quddiem,
• u għall-pajjiż biex ikompli jikber għall-ġid ta’ kullħadd.
Din is-sena kellna firxa vasta ta’ ħaddiema – kemm mis-settur pubbliku kif ukoll mis-settur privat - li ta’ għemilhom u għad-dedikazzjoni tagħhom kien jistħoqqilhom jiġu nominati għal dan il-premju. B’kollox kellna 23 nominazzjoni mill-oqsma tal-Edukazzjoni, Xandir, Kura tal-Anzjani, IT, Komunikazzjoni, mill-qasam tas-Saħħa u oħrajn.
Ippermettuli hawn nifraħ u nirringrazzja lil għadd ta’ kumpaniji u impriżi privati f’pajjiżna li iżjed ma jgħaddi ż-żmien iżjed qed juru interess f’dan il-premju. Huwa ta’ sodisfazzjon għalina lkoll li naraw kumpaniji li mhux biss iħossu li għandhom jinnominaw ħaddiema tagħhom iżda li jħarsu lejn dan il-Premju bħala ċertifikat għall-kumpanija nnifisha.
Nixtieq nieħu l-okkażjoni fejn hawn miġbura grupp imdaqqas ta’ nies li għandhom għal qalbhom l-interessi tal-ħaddiem Malti, biex nirringrazzjakom. Grazzi lill-unions – tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem. Grazzi lil dawk li jħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema u jaraw li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema mhux biss jitħarsu iżda jitjiebu. Grazzi ta’ kemm-il darba wieħed ipoġġi f’ġenb interessi periferiċi biex jiffoka fuq l-interessi tal-ħaddiema.
Il-Premju Ħaddiem tas-Sena huwa turija tal-apprezzament tal-Istat lejn il-ħaddiem Malti. F’mument meta d-dinja qed tipprova tirkupra mill-effetti li ħalliet il-kriżi finanzjarja internazzjonali, il-ħaddiem Malti huwa għalina l-għodda ewlenija – l-aqwa riżorsa - biex inżommu l-investiment f’pajjiżna u nattiraw lejn pajjiżna investiment ġdid.
Grazzi ħafna.
Other Press Releases:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005