DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IĊ-ĊERIMONJA TAL-GĦOTI TAL-PREMJU “ĦADDIEM TAS-SENA 2011” – IL-PALAZZ TAL-PRESIDENT, IL-BELT VALLETTA – IL-ĠIMGĦA, 06 TA’ MEJJU 2011
Eċċellenza,
Segretarju Parlamentari,
Mistiedna Distinti,
Sinjuri,
L-okkażjoni tal-lejla hi avveniment importanti u sinifikanti fil-kalendarju ta’ pajjiżna.
Din iċ-ċerimonja tagħti ġieħ lill-unika riżorsa li għandu pajjiżna – IL-ĦADDIEM.
Wasalna fejn qegħdin illum għaliex pajjiżna tul is-snin emmen fil-potenzjal ta’ kull Malti u Maltija. Investejna f’dan il-potenzjal. Bnejna fuq il-ħiliet tal-ħaddiema. Ħaddiema bieżla, flessibbli u professjonali. Ħaddiema li huma s-sisien tal-ekonomija Maltija.
Huwa b’dan is-sentiment ta’ apprezzament u ringrazzjament lejn il-ħaddiem Malti li huwa ta’ pjaċir li qiegħed hawn illejla. F’isem il-Gvern u l-pajjiż nixtieq nifraħ lin-nominati kollha ta’ dan il-premju. In-nominazzjoni tagħkom tixhed l-impenn u d-dedikazzjoni li turu fuq il-post tax-xogħol tagħkom. Tirrifletti wkoll li s-suċċess tal-ħaddiem mhux biss jitkejjel mill-iżvilupp tal-karriera jew mill-kwalifiki iżda wkoll mill-kontribut li tagħtu fuq il-post tax-xogħol, lejn is-soċjetà u lejn l-iżvilupp ta’ pajjiżna.
Intom kollha ambaxxaturi tal-valuri tal-ħaddiem Malti. Valuri li għenu biex pajjiżna jkompli jżid u jattira investiment ġdid. Valuri li investituri lokali u barranin dejjem isemmu bħala fatturi importanti fid-deċiżjonijiet tagħhom meta jinvestu f’pajjiżna. Valuri li għenu lil pajjiżna jikseb riżultati pożittivi fuq livell ewropew fil-qasam ekonomiku.
Sinjuri,
Din iċ-ċerimonja qiegħda ssir f’kuntest globali u reġjonali delikat. Id-dinja u l-Ewropa għadhom qed jirkupraw mill-agħar kriżi ekonomika fl-istorja riċenti. Miżuri ta’ awsterità li ħadu pajjiżi barranin qed ikomplu jkollhom effett fuq l-ekonomija ewropea u fuq il-ħaddiema.
F’dawn l-aħħar tliet snin rajna u esperjenzajna kif ix-xogħol jista’ jkun mhedded minn sitwazzjonijiet li m’għandniex kontroll fuqhom. Minn sitwazzjonijiet li jseħħu ‘l bogħod minn pajjiżna. Quddiem dan kollu l-Gvern irrisponda. Irrispondejna b’responsabbiltà, b’ħeffa u b’għaqal. Poġġejna x-xogħol bħala prijorità assoluta. Salvajna 5,000 impjieg. Bl-intervent tal-Gvern 5,000 familja kellhom il-post tax-xogħol salvat. Hekk kif fl-Ewropa fabbriki għalqu, f’Malta bl-intervent tal-Gvern rajna żieda ta’ kumpaniji ġodda u oħrajn jespandu u jinvestu aktar. Illum pajjiżna għandu r-raba’ l-anqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa. Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kien hemm aktar minn 2,900 talba minn min iħaddem għal impjiegi ġodda, 970 aktar mis-sena ta’ qabel – żieda ta’ 50% fuq l-ewwel tliet xhur tas-sena li għaddiet u l-ogħla rata ta’ vacancies f’dawn l-aħħar tliet snin.
Għalkemm sodisfatti b’dawn ir-riżultati l-Gvern huwa kommess li jkompli jiffoka fuq il-ħolqien tax-xogħol. Irridu u qegħdin naraw kif se nkomplu nattiraw aktar xogħol lejn pajjiżna. Qegħdin ninċentivaw aktar kumpaniji kemm dawk żgħar u kbar biex ikomplu jinvestu u jħaddmu aktar nies permezz ta’ skemi ġodda inkluż tnaqqis fl-income tax. Qegħdin inkomplu ninvestu fit-taħriġ tal-ħaddiema tagħna biex itejbu l-ħiliet u jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom. Qegħdin inkomplu nħajru aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol permezz ta’ tnaqqis fl-income tax u family friendly measures u aktar child care centres ġodda. Dawn l-inizjattivi qed neħduhom għaliex il-politika edukattiva, soċjali u ekonomika tagħna hi wkoll politika li tfittex il-ħtiġijiet tal-membri kollha tal-familji.
Sinjuri,
Ir-riżultati li qed niksbu huma bbażati fuq il-fiduċja tal-Gvern fil-poplu u fil-ħaddiema Maltin.
Intom li ġejtu nominati għal dan il-Premju tixhdu din il-fiduċja. Permezz tagħkom qed niċċelebraw il-kontribut tal-ħaddiem Malti fit-tkattir tal-ġid f’pajjiżna u fit-tqassim ta’ dan il-ġid b’ġustizzja soċjali.
Intom ambaxxaturi denji ta’ dan il-messaġġ u tal-valuri li għamlu l-ħaddiem Malti magħruf għal dak li hu: kapaċi, ta’ ħila, bżulija, li jfittex l-opportunitajiet ġodda u ma jibżax mill-isfidi u ta’ rispett.
Nifirħilkom ilkoll, għaliex forsi anki bla ma tafu, fikom sħabkom għarfu li intom fil-ħidma tagħkom tiddistingwu ruħkom.
Nirringrazzja lill-ħaddiema kollha Maltin u Għawdxin tal-ħidma tagħhom. F’din l-okkażjoni nsellem ukoll lill-unions tal-ħaddiema u anki lill-għaqdiet ta’ min iħaddem li jirrappreżentaw setturi differenti tal-ekonomija tagħna li jimpjegaw lill-eluf ta’ ħaddiema magħhom.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005