Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IĊ-ĊERIMONJA TAL-GĦOTI TAL-PREMJU “ĦADDIEM TAS-SENA 2011” – IL-PALAZZ TAL-PRESIDENT, IL-BELT VALLETTA – IL-ĠIMGĦA, 06 TA’ MEJJU 2011

pr0884
Date Icon 06/05/2011

Eċċellenza,
Segretarju Parlamentari,
Mistiedna Distinti,
Sinjuri,

L-okkażjoni tal-lejla hi avveniment importanti u sinifikanti fil-kalendarju ta’ pajjiżna.

Din iċ-ċerimonja tagħti ġieħ lill-unika riżorsa li għandu pajjiżna – IL-ĦADDIEM.

Wasalna fejn qegħdin illum għaliex pajjiżna tul is-snin emmen fil-potenzjal ta’ kull Malti u Maltija.  Investejna f’dan il-potenzjal.  Bnejna fuq il-ħiliet tal-ħaddiema.  Ħaddiema bieżla, flessibbli u professjonali.  Ħaddiema li huma s-sisien tal-ekonomija Maltija.

Huwa b’dan is-sentiment ta’ apprezzament u ringrazzjament lejn il-ħaddiem Malti li huwa ta’ pjaċir li qiegħed hawn illejla.  F’isem il-Gvern u l-pajjiż nixtieq nifraħ lin-nominati kollha ta’ dan il-premju.  In-nominazzjoni tagħkom tixhed l-impenn u d-dedikazzjoni li turu fuq il-post tax-xogħol tagħkom.  Tirrifletti wkoll li s-suċċess tal-ħaddiem mhux biss jitkejjel mill-iżvilupp tal-karriera jew mill-kwalifiki iżda wkoll mill-kontribut li tagħtu fuq il-post tax-xogħol, lejn is-soċjetà u lejn l-iżvilupp ta’ pajjiżna. 

Intom kollha ambaxxaturi tal-valuri tal-ħaddiem Malti.  Valuri li għenu biex pajjiżna jkompli jżid u jattira investiment ġdid.  Valuri li investituri lokali u barranin dejjem isemmu bħala fatturi importanti fid-deċiżjonijiet tagħhom meta jinvestu f’pajjiżna.  Valuri li għenu lil pajjiżna jikseb riżultati pożittivi fuq livell ewropew fil-qasam ekonomiku.

Sinjuri,

Din iċ-ċerimonja qiegħda ssir f’kuntest globali u reġjonali delikat. Id-dinja u l-Ewropa għadhom qed jirkupraw mill-agħar kriżi ekonomika fl-istorja riċenti.  Miżuri ta’ awsterità li ħadu pajjiżi barranin qed ikomplu jkollhom effett fuq l-ekonomija ewropea u fuq il-ħaddiema. 

F’dawn l-aħħar tliet snin rajna u esperjenzajna kif ix-xogħol jista’ jkun mhedded minn sitwazzjonijiet li m’għandniex kontroll fuqhom.  Minn sitwazzjonijiet li jseħħu ‘l bogħod minn pajjiżna.  Quddiem dan kollu l-Gvern irrisponda.  Irrispondejna b’responsabbiltà, b’ħeffa u b’għaqal.  Poġġejna x-xogħol bħala prijorità assoluta.  Salvajna 5,000 impjieg.  Bl-intervent tal-Gvern 5,000 familja kellhom il-post tax-xogħol salvat.  Hekk kif fl-Ewropa fabbriki għalqu, f’Malta bl-intervent tal-Gvern rajna żieda ta’ kumpaniji ġodda u oħrajn jespandu u jinvestu aktar.  Illum pajjiżna għandu r-raba’ l-anqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa.  Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kien hemm aktar minn 2,900 talba minn min iħaddem għal impjiegi ġodda, 970 aktar mis-sena ta’ qabel – żieda ta’ 50% fuq l-ewwel tliet xhur tas-sena li għaddiet u l-ogħla rata ta’ vacancies f’dawn l-aħħar tliet snin.

Għalkemm sodisfatti b’dawn ir-riżultati l-Gvern huwa kommess li jkompli jiffoka fuq il-ħolqien tax-xogħol.  Irridu u qegħdin naraw kif se nkomplu nattiraw aktar xogħol lejn pajjiżna.  Qegħdin ninċentivaw aktar kumpaniji kemm dawk żgħar u kbar biex ikomplu jinvestu u jħaddmu aktar nies permezz ta’ skemi ġodda inkluż tnaqqis fl-income tax.  Qegħdin inkomplu ninvestu fit-taħriġ tal-ħaddiema tagħna biex itejbu l-ħiliet u jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.  Qegħdin inkomplu nħajru aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol permezz ta’ tnaqqis fl-income tax u family friendly measures u aktar child care centres ġodda.  Dawn l-inizjattivi qed neħduhom għaliex il-politika edukattiva, soċjali u ekonomika tagħna hi wkoll politika li tfittex il-ħtiġijiet tal-membri kollha tal-familji.

Sinjuri,

Ir-riżultati li qed niksbu huma bbażati fuq il-fiduċja tal-Gvern fil-poplu u fil-ħaddiema Maltin.

Intom li ġejtu nominati għal dan il-Premju tixhdu din il-fiduċja.  Permezz tagħkom qed niċċelebraw il-kontribut tal-ħaddiem Malti fit-tkattir tal-ġid f’pajjiżna u fit-tqassim ta’ dan il-ġid b’ġustizzja soċjali. 

Intom ambaxxaturi denji ta’ dan il-messaġġ u tal-valuri li għamlu l-ħaddiem Malti magħruf għal dak li hu: kapaċi, ta’ ħila, bżulija, li jfittex l-opportunitajiet ġodda u ma jibżax mill-isfidi u ta’ rispett.

Nifirħilkom ilkoll, għaliex forsi anki bla ma tafu, fikom sħabkom għarfu li intom fil-ħidma tagħkom tiddistingwu ruħkom.

Nirringrazzja lill-ħaddiema kollha Maltin u Għawdxin tal-ħidma tagħhom.  F’din l-okkażjoni nsellem ukoll lill-unions tal-ħaddiema u anki lill-għaqdiet ta’ min iħaddem li jirrappreżentaw setturi differenti tal-ekonomija tagħna li jimpjegaw lill-eluf ta’ ħaddiema magħhom.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the importance of dialogue and diplomacy in strengthening international peace and security

PR262005en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza tad-djalogu u d-diplomazija għat-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali

PR262005

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza...

More Press Releases Right arrow