DISKORS MILL-E.T. IL-PRESIDENT GEORGE ABELA FL-OKKAŻJONI TAL-GĦOTI TAL-PREMJU “ĦADDIEM TAS-SENA 2011” – IL-PALAZZ TAL-PRESIDENT, IL-BELT VALLETTA – IL-ĠIMGĦA, 06 TA’ MEJJU 2011
Sinjuri,
Huwa ta’ pjaċir għalija nassisti għal dan l-għoti tal-Premju Ħaddiem tas-Sena. Id-dinjità tal-bniedem tiddependi ħafna mix-xogħol li jwettaq. Ix-xogħol jinnobilita l-bniedem għaliex il-bniedem biss, fost il-ħlejjaq kollha, joħloq proġetti u xogħlijiet bi skop preċiż u jagħmel dan konxjament u mhux biss imbuttat mill-istint imma bi pjan premeditat.
Għalhekk, ix-xogħol huwa ta’ importanza fundamentali fil-ħajja tal-bniedem u jixraq li l-ħaddiem jingħata rikonoxximent tax-xogħol li jwettaq.
Kif nafu, Malta hija pajjiż bi ftit riżorsi naturali għajr il-baħar, ix-xemx u l-ġebla. Il-vera rizorsa tagħna hija dik umana. Il-ħaddiem Malti dejjem laqa’ l-isfidi li ltaqa’ magħhom minn żmien għal żmien u dan irnexxielu jagħmlu mhux mingħajr ħafna diffikultajiet. F’dawn l-aħħar ħamsin sena, kien il-haddiem li kellu jiffaċċja t-tibdil li għaddiet minnu l-ekonomija tagħna biex minn waħda tiddependi mill-infieq fuq id-difiża mill-gvern kolonjali tbiddlet f’ekonomija ħielsa tas-suq kif nafuha llum.
Illum ukoll il-ħaddiem qed jiffaċċja sfidi ġodda. Mhux faċli li wieħed jibqa’ kompetittiv fl-ambjent ekonomiku attwali. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika li laqtet id-dinja, il-globalizzazzjoni li mhux dejjem kellha l-effetti pożittivi li ħafna kienu jippromettu, l-effett fuq l-ekonomija mondjali ta’ pajjizi kbar li żviluppaw il-qawwa produttiva tagħhom malajr fl-aħħar snin, it-taqlib politiku fir-reġjun tagħna huma kollha fatturi li kkawżaw pressjoni ġdida fuq l-ekonomija nazzjonali, fuq id-dinja tax-xogħol u fuq il-ħaddiem Malti.
Il-ħaddiem jaf li jrid jadatta ruħu biex jegħleb dawn l-isfidi. Kif jixhdu imprendituri Maltin u barranin li investew f’Malta, il-ħaddiem Malti huwa kompetenti, bieżel, jadatta ruħu facilment u huwa leali. L-ekonomija u l-istess sopravvivenza tal-pajjiż jiddependu mill-ħaddiem. Biex inkomplu nsostnu s-servizzi soċjali issa u fil-futur, irridu nkomplu nipproduċu kemm nistgħu. Il-ħaddiem jibqa’ l-protagonista li jista’ jiggarantixxi l-futur tal-pajjiż.
Tajjeb li f’din l-okkażjoni niftakru wkoll f’min irid jaħdem u ma jsibx xogħol. Huwa essenzjali li, filwaqt li kultant ċerti miżuri jridu jittieħdu sabiex xi azjendi jibqgħu fuq saqajhom, dan dejjem irid isir b’mod li kemm jista’ jkun il-post tax-xogħol jibqa’ jigi garantit. Il-ħaddiem u l-familja tiegħu jeħtieġ li jibqgħu fiċ-ċentru tal-attenzjoni tagħna.
Fattur ieħor importanti li xtaqt insemmi hija s-sigurtà fuq ix-xogħol. Huwa importanti li fuq il-lant tax-xogħol titħares is-sigurtà sabiex jiġu evitati inċidenti fejn iweġġgħu l-ħaddiema jew anki jitilfu ħajjithom. Il-liġijiet viġenti f’dan il-qasam iridu jiġu rispettati rigorożament.
Nixtieq ukoll infakkar fil-liġi li tistipula li f’kull post tax-xogħol ta’ ċertu daqs irid ikun hemm tnejn fil-mija mill-ħaddiema li jkunu persuni b’diżabilità. Din il-liġi mhux dejjem qed tiġi rispettata u dan jippreokkupani ħafna. Il-persuni b’diżabilità jixraq li, kemm jista’ jkun, jiġu integrati bħala persuni produttivi fl-ekonomija tagħna.
Inħoss li hu tajjeb li l-ħaddiema juru wkoll solidarjetà bejniethom għax b’hekk isemmgħu leħinhom aħjar. It-trade unions huma istituzzjoni indipensabbli sabiex jitħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema f’kuntest ta’ responsabbiltà lejn is-soċjetà kollha kemm hi. Hu sewwa wkoll li dawn ikunu ta’ wens lejn xulxin u jkunu magħquda bejniethom fil-missjoni tagħhom b’mod responsabbli. Għalhekk ħadt pjaċir ninnota bl-iżvilupp pożittiv f’dawn l-aħħar ġranet biex il-G.W.U., is-C.M.T.U u l-FORUM se jagħmlu dak kollu possibli biex isibu mod kif jaħdmu flimkien.
Hija ħaġa ferm xierqa li dan il-premju Ħaddiem tas-Sena jitqies li qed jingħata mhux biss bħala rikonoxximent lir-rebbieħ imma bħala rikonoxximent lill-haddiema kollha li hu jirrappreżenta kemm jekk huma fil-qasam industrijali jew dak tas-servizzi jew dak tas-settur pubbliku.
Hi ħaġa f’lokha wkoll li l-kandidati għal dan il-premju jiġi nominati minn oħrajn għax b’hekk ikun qed jitwassal messaġġ li l-isforzi tal-ħaddiem qed jiġu rikonoxxuti minn sħabu li juru solidarjetà miegħu.
Għalhekk, filwaqt li nikkongratula lil dawk kollha li ġew nominati għall-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena għal din l-edizzjoni, nifraħ mill-qalb lir-rebbieħ ta’ din is-sena.
Stqarrijiet Oħra:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005