Left arrow Go Back

DISKORS MILL-E.T. IL-PRESIDENT GEORGE ABELA FL-OKKAŻJONI TAL-GĦOTI TAL-PREMJU “ĦADDIEM TAS-SENA 2011” – IL-PALAZZ TAL-PRESIDENT, IL-BELT VALLETTA – IL-ĠIMGĦA, 06 TA’ MEJJU 2011

pr0883
Date Icon 06/05/2011

Sinjuri,

Huwa ta’ pjaċir għalija nassisti għal dan l-għoti tal-Premju Ħaddiem tas-Sena.  Id-dinjità tal-bniedem tiddependi ħafna mix-xogħol li jwettaq.  Ix-xogħol jinnobilita l-bniedem  għaliex il-bniedem biss, fost il-ħlejjaq kollha, joħloq proġetti u xogħlijiet bi skop preċiż u jagħmel dan konxjament u mhux biss imbuttat mill-istint imma bi pjan premeditat.

Għalhekk, ix-xogħol huwa ta’ importanza fundamentali fil-ħajja tal-bniedem u jixraq li l-ħaddiem jingħata rikonoxximent tax-xogħol li jwettaq.

Kif nafu, Malta hija pajjiż bi ftit riżorsi naturali għajr il-baħar, ix-xemx u l-ġebla.  Il-vera rizorsa tagħna hija dik umana.  Il-ħaddiem Malti dejjem laqa’ l-isfidi li ltaqa’ magħhom minn żmien għal żmien u dan irnexxielu jagħmlu mhux mingħajr ħafna diffikultajiet.  F’dawn l-aħħar ħamsin sena, kien il-haddiem li kellu jiffaċċja t-tibdil li għaddiet minnu l-ekonomija tagħna biex minn waħda tiddependi mill-infieq fuq id-difiża mill-gvern kolonjali tbiddlet f’ekonomija ħielsa tas-suq kif nafuha llum.

Illum ukoll il-ħaddiem qed jiffaċċja sfidi ġodda.  Mhux faċli li wieħed jibqa’ kompetittiv fl-ambjent ekonomiku attwali. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika li laqtet id-dinja, il-globalizzazzjoni li mhux dejjem kellha l-effetti pożittivi li ħafna kienu jippromettu, l-effett fuq l-ekonomija mondjali ta’ pajjizi kbar li żviluppaw il-qawwa produttiva tagħhom malajr fl-aħħar snin, it-taqlib politiku fir-reġjun tagħna huma kollha fatturi li kkawżaw pressjoni ġdida fuq l-ekonomija nazzjonali, fuq id-dinja tax-xogħol u fuq il-ħaddiem Malti.

Il-ħaddiem jaf li jrid jadatta ruħu biex jegħleb dawn l-isfidi. Kif jixhdu imprendituri Maltin u barranin li investew f’Malta, il-ħaddiem Malti huwa kompetenti,  bieżel, jadatta ruħu facilment u huwa leali.  L-ekonomija u l-istess sopravvivenza tal-pajjiż jiddependu mill-ħaddiem.  Biex inkomplu nsostnu s-servizzi soċjali issa u fil-futur, irridu nkomplu nipproduċu kemm nistgħu.  Il-ħaddiem jibqa’ l-protagonista li jista’ jiggarantixxi l-futur tal-pajjiż.

Tajjeb li f’din l-okkażjoni niftakru wkoll f’min irid jaħdem u ma jsibx xogħol. Huwa essenzjali li, filwaqt li kultant ċerti miżuri jridu jittieħdu sabiex xi azjendi jibqgħu fuq saqajhom, dan dejjem irid isir b’mod li kemm jista’ jkun il-post tax-xogħol jibqa’ jigi garantit. Il-ħaddiem u l-familja tiegħu jeħtieġ li jibqgħu fiċ-ċentru tal-attenzjoni tagħna.

Fattur ieħor importanti li xtaqt insemmi hija s-sigurtà fuq ix-xogħol.  Huwa importanti li fuq il-lant tax-xogħol titħares is-sigurtà sabiex jiġu evitati inċidenti fejn iweġġgħu l-ħaddiema jew anki jitilfu ħajjithom.  Il-liġijiet viġenti f’dan il-qasam iridu jiġu rispettati rigorożament.

Nixtieq ukoll infakkar fil-liġi li tistipula li f’kull post tax-xogħol ta’ ċertu daqs irid ikun hemm tnejn fil-mija mill-ħaddiema li jkunu persuni b’diżabilità.  Din il-liġi mhux dejjem qed tiġi rispettata u dan jippreokkupani ħafna. Il-persuni b’diżabilità jixraq li, kemm jista’ jkun, jiġu integrati bħala persuni produttivi fl-ekonomija tagħna.

Inħoss li hu tajjeb li l-ħaddiema juru wkoll solidarjetà bejniethom għax b’hekk isemmgħu leħinhom aħjar.  It-trade unions huma istituzzjoni indipensabbli sabiex jitħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema f’kuntest ta’ responsabbiltà lejn is-soċjetà kollha kemm hi. Hu sewwa wkoll li dawn ikunu ta’ wens lejn xulxin u jkunu magħquda bejniethom fil-missjoni tagħhom b’mod responsabbli. Għalhekk ħadt pjaċir ninnota bl-iżvilupp pożittiv f’dawn l-aħħar ġranet biex il-G.W.U., is-C.M.T.U u l-FORUM se jagħmlu dak kollu possibli biex isibu mod kif jaħdmu flimkien.

Hija ħaġa ferm xierqa li dan il-premju Ħaddiem tas-Sena jitqies li qed jingħata mhux biss bħala rikonoxximent lir-rebbieħ imma bħala rikonoxximent lill-haddiema kollha li hu jirrappreżenta kemm jekk huma fil-qasam industrijali jew dak tas-servizzi jew dak tas-settur pubbliku.

Hi ħaġa f’lokha wkoll li l-kandidati għal dan il-premju jiġi nominati minn oħrajn għax b’hekk ikun qed jitwassal messaġġ li l-isforzi tal-ħaddiem qed jiġu rikonoxxuti minn sħabu li juru solidarjetà miegħu.

Għalhekk, filwaqt li nikkongratula lil dawk kollha li ġew nominati għall-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena għal din l-edizzjoni, nifraħ mill-qalb lir-rebbieħ ta’ din is-sena.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the importance of dialogue and diplomacy in strengthening international peace and security

PR262005en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza tad-djalogu u d-diplomazija għat-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali

PR262005

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza...

More Press Releases Right arrow