Left arrow Go Back

FTUĦ TA’ ESIBIZZJONI 55 ANNIVERSARJU MIL-LIĠI DWAR IS-SIGURTA’ SOĊJALI

pr0881
Date Icon 06/05/2011

“Wasal iż-żmien li fil-qasam tas-servizzi soċjali nħarsu aktar lejn il-bżonnijiet tal-individwi u nfasslu servizzi skont il-ħtiġijiet tagħhom. Il-bniedem mhux numru imma individwu bil-kwalitajiet u l-ħtiġijiet partikolari tiegħu li l-pajjiż irid jgħinu fihom”. 

Dan sostnietu, l-Onor. Dolores Cristina, Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja meta inawgurat wirja fil-bitħa tal-Ministeru li qed tfakkar il-55 anniversarju minn meta saret il-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali.

Il-Ministru Cristina qalet li d-dinjità tal-persuna umana għandha tkun fiċ-ċentru ta’ kull servizz soċjali kemm jekk hu f’forma ta’ flus kif ukoll f’xi forma oħra. Għalhekk kull ħidma li ssir fil-qasam soċjali għandha tkun maħsuba biex tfassal politika li tkun ta’ fejda għal kull individwu – l-aktar dawk vulnerabbli.

L-iskop ewlieni ta’ kull ordni soċjali hu li jgħin lill-bniedem jiżviluppa kompletament il-personalità tiegħu. F’kull soċjetà, jkun hemm faxxa ta’ nies, li weħidhom ma jkunux kapaċi jilħqu din il-mira.  U hawn fejn jidħol l-Istat bis-servizzi soċjali tiegħu.

Il-Ministru Cristina qalet li kuljum jitfaċċaw sfidi ġodda lis-soċjetà. Illum irridu niffaċċjaw l-isfida demografika – anqas twelidijiet u l-poplu jgħix aktar, mitt sfida oħra.  Ir-risposta għal dawn l-isfidi trid tinstab fis-solidarjetà min-naħa tal-Istat u s-soċjetà ċivili maċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli.

Illum għandna benefiċċji u servizzi soċjali li joffru xibka wiesa’ ta’ wens lil dawk kollha li jinħtieġuha.

F’dawn il-jiem qed infakkru l-55 anniversarju minn meta l-Parlament Malti għadda l-Liġi dwar is-Sigurtà Soċjali.  Dik il-liġi kienet segwita minn diversi liġijiet oħra u mit-twaqqif ta’ korpi oħra li jaħdmu fil-qasam soċjali.

Id-Dipartiment ħejja programm ta’ attivitajiet interessanti biex jitfakkar dan l-avveniment li uħud minnhom huma indirizzati lejn l-impjegati u oħrajn miftuħa għall-pubbliku li hu mħeġġeġ biex jipparteċipa fihom.

Wieħed ma jistax jitkellem fuq servizzi soċjali bla ma jirreferi għas-sehem qawwi tal-Knisja u tal-Volontarjat f’dan il-qasam.  Il-Knisja kienet fost l-ewwel istituzzjonijiet f’Malta li ħasbu fil-bżonnijiet ta’ persuni vulnerabbli u l-pajjiż hu rikonoxxenti għal dan is-sehem.

Din is-sena hi dedikata lill-Volontarjat u għalhekk xieraq ukoll li nsellmu u nirringrazzjaw lil numru ta’ għaqdiet volontarji u lill-voluntiera infushom li jaħdmu fil-qasam soċjali. Ix-xogħol tagħhom nivvalorizzah ħafna għax hu xogħol importanti u ta’ fejda kbira.

Il-Ministru temmet billi rringrazzjat lill-ħaddiema kollha f’dan is-settur għall-komprensjoni li juru ma’ nies li f’mumenti diffiċli jfittxu s-servizz tagħhom.  Hi qalet li hemm bżonn ta’ aktar informazzjoni dwar is-servizzi soċjali għax għad hawn nies li ma jafux xi drittijiet għandhom.

Tkellem ukoll Joe Camilleri, Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali dwar il-ħidma tad-dipartiment u sostna li x-xibka ta’ servizzi soċjali li hawn fil-pajjiż tħabbatha ma’ dik ta’ pajjiżi Ewropej oħra li huma akbar minnha.  Hu appella lill-pubbliku biex jipparteċipa fl-attivitajiet li qed ikunu organizzati biex ifakkaru dan l-avveniment.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the importance of dialogue and diplomacy in strengthening international peace and security

PR262005en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza tad-djalogu u d-diplomazija għat-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali

PR262005

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza...

More Press Releases Right arrow