IKOMPLU L-ATTIVITAJIET TAL-AĠENZIJA ŻGĦAŻAGĦ FL-OKKAŻJONI TAS-SENA EWROPEA-ĊINIŻA TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ 2011
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, l-Onorevoli Clyde Puli illum żar iċ-Ċentru Kulturali Ċiniż fil-Belt Valletta fil-preżenza ta’ numru ta’ żgħażagħ mill-Kulleġġi Santa Margerita u Santa Klara. Din kienet inizjattiva tal-Aġenżija Żgħażagħ flimkien mal-Ambaxxata Ċiniża f’Malta u ċ-Ċentru Kulturali Ċiniż bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet f’Malta tas-sena konġunta Ewropea-Ċiniża taż-Żgħażagħ 2011.
Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll l-Ambaxxatur taċ-Ċina f’Malta l-E.T. Zhang Keyuan, id-direttur taċ-Ċentru Kulturali Ċiniż Gu Hongxing kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma.
Matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu ttella’ programm għaż-Żgħażagħ mill-iskejjel li kien jinkludi wirja fotografika, dimostrazzjonijiet tas-snajja’ manwali tradizzjonali u kaligrafija Ċiniża, preżentazzjoni u konkors rigward l-għarfien dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u ċ-Ċina. Iċ-ċentru baqa’ miftuħ matul il-ġurnata kollha għaż-Żgħażagħ, rappreżentanti tal-għaqdiet taż-żgħażagħ u l-pubbliku.
Is-sena konġunta Ewropea-Ċiniża taz-Żgħażagħ 2011 tnediet uffiċjalment fi Brussell permezz ta’ ċerimonja tal-ftuħ li saret fil-11 ta’ Jannar 2011. Din kienet opportunità għal mitt żagħżugħ/a Ewropew u mitt żagħżugħ/a Ċiniż li ltaqgħu u ddiskutew diversi temi li jolqtuhom mill-qrib. Din is-sena se tgħin sabiex: tippromovi d-djalogu interkulturali, issaħħaħ il-ħbiberija bejn Żgħażagħ Ewropej u Ċiniżi u tgħin sabiex Żgħażagħ Ewropej u Ċiniżi jifhmu aktar lil xulxin. Din is-sena għandha l-għan ukoll li tinkoraġġixxi liz-Żgħażagħ sabiex jappoġġjaw l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina u jinħoloq impatt pożittiv kemm fl-Unjoni Ewropea u fiċ-Ċina sabiex din il-kooperazzjoni tibqa’ fis-seħħ matul is-snin li ġejjin.
Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-sena konġunta Ewropea-Ċiniża taż-Żgħażagħ 2011, qed ikunu organizzati diversi attivitajiet kemm fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fiċ-Ċina. Dawn jinkludu fost l-oħrajn sezzjonijiet ta’ djalogu dwar temi komuni li jolqtu liz-Żgħażagħ Ewropej u Ċiniżi. Is-sena konġunta Ewropea-Ċiniża taz-Żgħażagħ 2011 ħabtet fl-għaxar anniversarju tas-sena internazzjonali tal-volontarjat u matul l-istess sena Ewropea ddedikata lill-volontarjat. Għalhekk ma setax jonqos li matul din is-sena se jittellgħu numru ta’ inizjattivi sabiex jinkoraġġixxu l-volontarjat minn Żgħażagħ Ewropej u Ċiniżi.
Aġenzija Żgħażagħ qed ittella’ numru ta’ attivitajiet u inizjattivi għaż-Żgħażagħ fis-sena konġunta Ewropea-Ċiniża taz-Żgħażagħ 2011. Dawn jinkludu żjara ta’ delegazzjoni ta’ Żgħażagħ Ċiniżi f’Malta fil-ġimgħat li ġejjin sabiex jipparteċipaw fil-youth week bil-għan li jinħoloq aktar djalogu bejn Żgħażagħ Maltin u Ċiniżi u jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni.
Other Press Releases:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005