ID F’ID FL-EDUKAZZJONI U S-SAĦĦA
“Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għandhom ikunu prijorità għal kulħadd u dejjem irridu nkunu għassa u nkomplu nagħmlu ħilitna biex inkomplu nnaqqsu l-inċidenti mhux biss fil-postijiet tax-xogħol imma anke, fl-iskejjel, fid-dar u kulfejn inkunu”.
Dan saħqet dwaru l-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja, Dolores Cristina meta fl-iskola sekondarja tas-subien tal-Kulleġġ Santa Margerita, uffiċjali tal-Union Ħaddiema Magħqudin u oħrajn mit-taqsima tas-Saħħa u s-Siġurtà tad-Direttorat tal-Edukazzjoni taw taħriġ lil numru ta’ studenti dwar kif jistgħu jkunu evitati l-inċidenti.
Il-Ministru Cristina qalet li l-istatistika turi li huma l-ħaddiema żgħażagħ dawk l-aktar f’periklu ta’ inċidenti serji.
Għalhekk inħasset il-ħtieġa li din it-tema tkun indirizzata anke fl-iskejjel. Il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti fl-iskejjel qed tingħata importanza kbira.
Twaqqfet ‘Health and Safety Unit’ u kienu impjegati għalliema apposta kemm fl-iskejjel primarji kif ukoll f’dawk sekondarji u post-sekondarji.
Il-kunċett ta’ saħħa u sigurtà ħa xejra oħra matul is-snin. Illum il-perikli m’humiex biss minn xi waqa’ jew daqqa’ imma l-perikli għas-saħħa jeżistu anke fil-mod kif noqogħdu bil-qegħda, kemm jitfa’ dawl il-kompjuter ta’ quddiemna, xi ħsejjes hawn madwarna l-arja li nibilgħu u bosta perikli oħra.
Il-Ministru Cristina qalet li l-iskola sekondarja tas-subien tal-Kulleġġ Santa Margerita li tinsab f’Verdala, Bormla, li hi waħda mill-iskejjel ġodda tagħna saret ħafna attenzjoni biex il-perikli jitnaqqsu kemm jista’ jkun. Irridu li l-iskejjel tagħna kollha kemm huma jkunu joffru ambjent sigur u san li jiffaċilita x-xogħol u t-tagħlim li jsir.
Il-Health and Safety Unit fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, bl-għajnuna tal-għalliema fl-iskejjel inkarigati minn dan il-qasam, tieħu diversi inizjattivi matul is-sena skolastika.
Gejtu Vella, Segretarju Ġenerali tal-UĦM u l-Kap tal-Iskola, it-tnejn ingħaqdu mal-Ministru Cristina u saħqu dwar l-importanza li wieħed jieħu l-prekawzjonijiet kollha biex ikunu evitati inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol.
Il-President tal-UĦM Gejtu Tanti mbagħad ippreżenta l-Premju tal-UĦM dwar is-Saħħa u s-Siġurtà fil-post tax-xogħol lill-kap tal-iskola flimkien ma’ laptop għall-użu tal-iskola. Saret ukoll preżentazzjoni ta’ apparat u ħwejjeġ protettivi lill-iskola għall-użu mill-istudenti tagħha.
Stqarrijiet Oħra:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005